L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għadek ma għaraftnix?” (Ġw 14:9) Dan hu li jgħid Ġesù llum lil Filippu fl-Aħħar Ċena meta Filippu juri x-xewqa lil Ġesù: “Mulej, urina l-Missier, u jkun biżżejjed għalina” (Ġw 14:8). Ġesù kien qed jitkellem fuq kif min jagħraf lilu, jagħraf lill-Missier. Hekk kien qed jgħid lid-dixxipli tiegħu. Imma Filippu għamillu din id-domanda, u Ġesù jgħidlu: “Ili daqshekk magħkom u int, Filippu, għadek ma għaraftnix?”
Dan hu Filippu li tiegħu qed nagħmlu l-festa llum, flimkien ma’ Ġakbu. Dawn huma tnejn mill-appostli li ftit nafu fuqhom. Fuq Ġakbu, prattikament nafu biss li kien wieħed mill-appostli, u li kien bin Alfew. Hemm min jgħid li kien hu l-istess Ġakbu li mexxa l-Knisja ta’ Ġerusalemm u mbagħad miet martri, u li hu dak li għandna kitba tiegħu fl-Iskrittura: l-Ittra ta’ San Ġakbu. Imma fuq Ġakbu ma tantx nafu.
Fuq Filippu nafu ftit, imma fil-ftit li nafu fl-Evanġelju hemm messaġġ sabiħ għall-ħajja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù. Fil-fatt, l-ewwel darba li niltaqgħu ma’ Filippu fl-Evanġelju skont San Ġwann hu meta jsejjaħlu Ġesù. Filippu kien minn Betsajda, l-istess post ta’ Xmun u Indrì fil-Galilija, u Ġesù lilu qallu: “ejja warajja” (Ġw 1:43), u Filippu mar warajh. Ra diġà fih xi ħadd speċjali, imma mill-bidu nett għaraf li l-Aħbar it-Tajba mhix qiegħda biex iżżommha għalik biss, imma biex taqsamha ma’ ħaddieħor. Fil-fatt, l-Evanġelju jgħid li mal-ewwel mar fittex lil Natanael u qallu: “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-liġi u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nażaret bin Ġużeppi” (Ġw 1:45). Natanael għall-bidu ma tantx kien konvint, imma Filippu qallu: “Ejja u ara” (Ġw 1:46). Kien mill-bidu li Filippu fehem li l-Aħbar it-Tajba trid taqsamha ma’ ħaddieħor. Għalkemm narawh bil-mod il-mod lil Ġesù isir jagħrfu dejjem aktar, huwa dak id-dixxipli li lest li jitgħallem, lest li jaqsam l-esperjenza tiegħu, imma jħalli lil Ġesù li jgħallmu.
Fil-fatt, insibu lil Filippu fir-rakkont, ukoll fl-Evanġelju skont San Ġwann – rakkont li lkoll nafu – ta’ meta Ġesù għamel it-tkattir tal-ħobż, meta Ġesù tema ħamest elef ruħ u fuqhom. Ir-rakkont f’mument minnhom jgħid li Ġesù dar fuq Filippu u qallu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” (Ġw 6:5) Ma qallux hekk għax ried risposta għad-domanda tiegħu biex ikun jaf x’se jagħmel, imma ried jagħmel dan biex proprju lil Filippu u lid-dixxipli l-oħra jgħallimhom xi ħaġa ġdida fuqu. Fil-fatt, ir-reazzjoni ta’ Filippu kienet: “Mitejn dinar ħobż ma jkunx biżżejjed biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit” (Ġw 6:7). U Ġesù, bil-miraklu li għamel, uriehom kif hu dak li jipprovdi mhux ftit lil kull wieħed – u ma kellux għalfejn jixtri għal kull wieħed – imma hu dak li jipprovdi bl-abbundanza lil ħafna. Tant hu hekk li lkoll ħadu mill-ikel, u xebgħu, u baqa’ żżejjed ukoll. Hemmhekk Filippu tgħallem xi ħaġa ġdida fuq Ġesù.
Iktar ’il quddiem, imbagħad, narawh meta xi Griegi jmorru fuq Filippu u jgħidulu: “nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21). U Filippu mar, flimkien ma’ Indrì, biex jgħidu lil Ġesù li dawn xtaqu jarawh. U hemmhekk ukoll jitgħallem xi ħaġa ġdida fuq Ġesù bil-mod kif Ġesù jitkellem, u kif jitkellem fuq il-glorja tiegħu meta se jgħaddi mit-tbatija. Kull darba naraw lil Filippu jitgħallem xi ħaġa ġdida fuq Ġesù, isir jafu aktar, u fl-istess waqt iressaq lin-nies lejh. Naturalment, l-Aħħar Ċena kienet ukoll ġrajja speċjali li smajna fl-Evanġelju llum.
Imma rridu niftakru li Filippu, flimkien ma’ Ġakbu, kienu tnejn mill-appostli li meta rċevew l-Ispirtu s-Santu, marru jxandru l-Aħbar it-Tajba ma’ tant nies. Din kienet il-ħajja ta’ dawn it-tnejn – Filippu nafu aktar fuqu minn Ġakbu. Il-messaġġ importanti lilna hu dan: aħna lkoll dixxipli ta’ Ġesù li msejħin biex ngħarfuh dejjem aktar, inħalluh jurina lilu nnifsu dejjem aktar, biex ngħarfuh bħala Ġesù li jsalvana, il-Mulej tagħna, u fl-istess waqt, bħalma għamel Filippu speċjalment, inkunu dawk li nressqu lin-nies lejh. Waqt li nikbru fl-imħabba tiegħu aħna, inressqu aktar lin-nies lejh biex aktar nies lil Ġesù jagħrfuh u jħobbuh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju