L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Dun Mosè kien saċerdot li ta ħajtu biex jaqdi lill-poplu. Għalhekk illum aħna bir-raġun rikonoxxenti lejh. Imma Dun Mosè, qabel kollox, wieġeb għas-sejħa tal-Mulej u qiegħed it-talenti tiegħu biex jaqdi lill-Mulej fil-poplu tiegħu. Aħna nafu kif hu għaraf juża d-doni li Alla tah, li kienu ħafna, u jagħġinhom mal-ħajja li Alla sejjaħlu għaliha, u jgħix din il-ħajja b’tant entużjażmu u ħeġġa. Kien ħajjat li ħalla lil Alla jinseġ il-ħajja tiegħu.

Żgur li dawk li kienu abbatini għal snin twal jiftakru lil Dun Mose b’mod speċjali. Hu kien jieħu ħsiebhom, u jgħinhom biex jagħrfu jagħtu servizz xieraq u sabiħ fil-Liturġija, b’qima kbira lejn l-Ewkaristija. Kien iħarriġhom biex ikunu persuni li jikbru fl-imħabba lejn Alla – kif smajna fl-Evanġelju llum “ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:9) – u li jesprimuha billi jaqduh bil-ferħ. Għen lil tant żgħażagħ biex jagħrfu jgħixu l-ħajja Nisranija b’impenn u b’sens ta’ dixxiplina.

Hemm ħafna li nistgħu nirriflettu fuqu, imma nixtieq li niffoka fuq ħaġa waħda b’mod speċjali: l-imħabba tiegħu lejn il-vokazzjonijiet u l-ħeġġa tiegħu biex jgħin lilna lkoll nagħrfu kemm għandna naħdmu għall-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u reliġjuża. Iktar ma jgħaddu s-snin, aktar nagħrfu l-bżonn ta’ dan – kemm għandna nkunu konxji tal-ħtieġa tal-vokazzjonijiet.

Nitolbu għall-vokazzjonijiet

Għandna bżonn l-ewwel nett nitolbu. Dejjem it-talb jiġi l-ewwel. Ġesù dan semma l-ewwel ukoll: “Itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu” (Lq 10:2). It-talb għandu qawwa fil-ħajja tagħna. 

Għalhekk inħeġġiġkom biex titolbu, ispirati minn Dun Mosè u l-eżempju sabiħ tiegħu. Nitolbu biex ikunu ħafna li jwieġbu għas-sejħa tal-Mulej għall-ħajja saċerdoti u reliġjuża b’ġenerożità. Nitolbu biex ikun hemm din l-attitudni ta’ ftuħ għar-rieda tal-Mulej f’kull vokazzjoni – għax anke l-ħajja ta’ miżżewġin hi vokazzjoni li titlob tweġiba u impenn sħiħ – u li dan il-ftuħ iwassal biex ikun hemm ukoll aktar saċerdoti u reliġjużi.

Innisslu valuri li jgħinu fl-għotja

Flimkien mat-talb, hu importanti li aħna nnisslu fil-komunità dawk il-valuri li jgħinu biex persuna tagħraf tagħti ħajjitha b’ġenerożità. Dawn il-valuri huma essenzjali għax jgħinu lill-persuna ma tkunx medhija biha nnifisha, u ddur magħha nnifisha, imma tagħraf toħroġ minnha nnifisha u tingħata.

Għandna bżonn naħdmu biex dawn il-valuri jkunu magħġuna mal-ħajja ta’ dawk li qed jikbru, biex jipprovdu pedament xieraq fil-ħajja tagħhom. Hu b’dal-mod li jkunu lesti li jidħlu għal impenn ġeneruż għal ħajjithom kollha.

Inwasslu l-istejjer pożittivi

Fejn tidħol il-ħidma vokazzjonali, hu wkoll ta’ siwi kbir li aħna nwasslu kemm bil-kelma kif ukoll bil-ħidma tagħna r-realtà tal-ħajja saċerdotali u reliġjuża. Aħna nafu li jekk inħarsu biss lejn il-media u l-media soċjali, jagħmel ħoss biss xi saċerdot jew reliġjuż li jkun kontroversjali, jew li jgħid xi ħaġa naqra stramba jew goffa, jew li xi ħadd ikun irid juża għal skopijiet oħra. 

Imma din hi r-realtà? Le, hemm ħafna tajjeb li ma jagħmilx aħbar. Kemm hawn saċerdoti u reliġjużi li kontinwament jiddedikaw ħajjithom għall-oħrajn, li l-ħin kollu għaddejjin jaqdu, u jagħmlu dan fis-skiet u fil-kwiet, ħafna drabi mingħajr ma jagħtu fil-għajn u kultant mingħajr ma jkun hemm espressjoni ta’ gratitudni lejhom. Jagħmlu ħafna ġid mhux biss lil persuni individwali, imma lill-familji, lill-komunità, lil-lokalità, lis-soċjetà.

Għalhekk hemm bżonn li aħna nwasslu bl-iktar mod sempliċi imma effettiv dawn l-istejjer pożittivi u nuru kemm hija sabiħa l-ħajja ta’ dawn is-saċerdoti li qed jaqdu lill-Mulej f’tant oqsma differenti. Dun Mosè, kif ħafna minnkom jistgħu jgħidu mill-esperjenza tagħhom, hu wieħed minn dawn is-saċerdoti. Kemm hi f’waqtha l-okkażjoni tal-lum li turi apprezzament lejn is-saċerdot!

Illum nirringrazzjaw lil Alla għal dan is-saċerdot b’apprezzament għal tant ġid li għamel speċjalment f’din il-parroċċa tal-Mellieħa. Inkomplu nagħtu sehemna lkoll fil-ħidma vokazzjonali billi qabel xejn nitolbu għall-vokazzjonijiet, naħdmu ħalli nnisslu dejjem il-valuri li jiffurmaw persuni mogħtija għall-oħrajn, u nwasslu wkoll ix-xbieha vera ta’ tant saċerdoti u reliġjużi li ddedikaw u jiddedikaw ħajjithom għall-ġid tas-soċjetà Maltija.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju