L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-parabbola li jgħid Ġesù llum tal-festa tat-tieġ hi waħda mill-parabboli biex hu jfiehem, hawnhekk lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu, xi jfisser tkun fis-saltna ta’ Alla. Alla jsejjaħ lilna lkoll għall-ħbiberija miegħu u jrid li aħna nwieġbu għal din is-sejħa li jagħmlilna.

Nafu li meta kien qed jgħid hekk lil dawn in-nies kien qed jispjegalhom ukoll kif ħafna drabi din is-sejħa ta’ Alla sabet rifjut, għalhekk dawk il-qaddejja li marru biex iwasslu l-istedina, imma jew ma tawx kashom jew daru kontrihom. Imma l-messaġġ li jrid jagħti hu li l-Knisja imbagħad hi dik li tiġbor flimkien lil kulħadd u li l-Knisja hi msejħa biex tkun il-familja fejn aħna lkoll nwieġbu għal din is-sejħa ta’ Alla.

Jiena xtaqt insemmi xi punti li nara li jgħoddu ħafna għal ħajjitna minn din il-kelma li qed jgħid Ġesù.

Ċelebrazzjoni ta’ ferħ

L-ewwel nett qed isemmi li hi festa. Dan ifisser li l-ħajja Nisranija Alla jridha tkun sabiħa, iridha tkun ċelebrazzjoni ta’ ferħ. Għalhekk smajna wkoll fil-fatt fl-ewwel qari meta jqabbel il-ħajja ma’ Alla bħala ikla, ikla b’ikel tajjeb, bi nbid tajjeb (ara Iż 25:6) biex jgħid kemm hu importanti li aħna nħarsu lejn il-ħajja ta’ fidi mhux bħala xi ħaġa li ġġibilna dwejjaq jew xi piż miżjud ma’ li għandna, jew xi ħaġa li tfisser toqol għall-ħajja tagħna, imma bħala festa, festa fejn niċċelebraw din il-ħbiberija ma’ Alla u ma’ xulxin, din l-imħabba li Alla jġib f’ħajjitna.

Mhux dejjem kulħadd iħallina niċċelebraw b’dal-mod il-ħajja Nisranija għax ġieli jkollna ħafna ċirkustanzi fil-ħajja li jtellfu. Imma l-messaġġ ta’ Ġesù hu: hekk għandha tkun il-ħajja Nisranija, hekk għandna nippruvaw ngħixuha aħna u ngħinu lill-oħrajn biex jgħixuha: bħala festa sabiħa ta’ mħabba.

Sejħa għal kulħadd

X’turina wkoll din il-parabbola? Turina li Alla jsejjaħ lil kulħadd, u hi stedina. Alla ma jimponix ruħu fuqna. Għalhekk, kif rajna, hemm min jaċċetta u min le. Alla jagħmlilna proposta u jħalli lilna fil-libertà biex inweġbuh jew le.

Imma turina wkoll li Alla jsejjaħ lil kulħadd. Hawn, meta fl-aħħar is-sultan bagħat din l-istedina lil kulħadd. Qal lill-qaddejja: morru fit-triq u sejjħu lil min taraw għal din il-festa (Mt 22:9). Ifisser li Alla jrid li kulħadd ikun parti minn din il-familja tiegħu. Ma jagħmilx diskriminazzjoni ta’ razza, jew ta’ stat soċjali, jew ta’ ġeneru, jew ta’ tip jew ieħor tal-bniedem tant differenti, b’mod li qisu dan aħjar minn ieħor. Alla jsejjaħ lil kulħadd.

U din hi ħaġa sabiħa li niftakruha anke fil-Knisja: li l-Knisja hi dik il-familja ta’ Alla li trid tinkludi lil kulħadd, li Alla jsejjaħ lil kulħadd għal din il-ħbiberija miegħu.

Imma mbagħad hawnhekk għandna tipi differenti ta’ nies u hawn messaġġ tajjeb ħafna għall-ħajja tagħna, tipi differenti ta’ nies kif ġabu ruħhom quddiem din l-istedina ta’ Alla.

Persekuturi

Għandek dawk li ħaduha kontra l-qaddejja. Jgħid l-Evanġelju “żebilħuhom u qatluhom” (Mt 22:6). Nafu kemm hu ikrah il-qtil, iż-żeblih, anke f’dawn il-ġranet li għexna u li qed ngħixu bħalissa meta naraw x’qed jiġri fl-Art Imqaddsa. Kemm hu ikrah dan iż-żebliħ, dan il-qtil! Hawn qed ifakkarna li hemm ħafna Nsara tul is-snin, imma anke llum fid-dinja, li huma ppersegwitati, martri tal-fidi, li huma maqtula minħabba l-fidi tagħhom.

Indifferenti

Jgħid ukoll fuq nies oħra li ma ħaduhiex kontra l-qaddejja imma li kienu indifferenti: “min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu” (Mt 22:5). Qisu waslet l-istedina u jiena ma jimpurtanix, inkompli għaddej bil-ħajja tiegħi. Forsi dan hu l-iktar messaġġ importanti anke għalina għax jista’ jkollna t-tentazzjoni li nagħmlu bħal dawn: li aħna ngħixu l-ħajja tagħna qisu Alla ma jeżistix; u meta nisimgħu bl-istedina tiegħu, nibqgħu indifferenti għalih basta nkomplu b’li qed nagħmlu. U min qed jagħmel ħaġa, min qed jagħmel oħra. 

Issa hawn isemmi mhux affarijiet ħżiena. Min mar l-għalqa, min mar għan-negozju – fihom infushom mhumiex ħziena. Imma hawn qed jgħid: dawn in-nies kienu indifferenti għal Alla u l-istedina tiegħu, ma tawx kasu, għexu l-ħajja qisu Alla ma jeżistix.

Ta’ rashom

Imbagħad isemmi ħaġa oħra li naħseb tajjeb li anke nifhmuha b’mod ċar meta jsemmi li  meta daħal is-sultan sab lil wieħed “li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ” (Mt 22:11). U forsi aħna ngħidu: jekk dawn in-nies sabuhom minn barra, mhux bilfors daħal kif kien liebes? Imma dak iż-żmien parti mit-tradizzjoni kienet li meta tidħol, jagħtuk il-libsa tat-tieġ, il-libsa li tilbes għat-tieġ. U allura dal-bniedem hawnhekk kien xi ħadd li ried jieħu sehem imma fl-istess waqt irrifjuta dik li kienet miftiehma ma’ kulħadd li jilbes il-libsa tat-tieġ. Ried li jkollu sehem mill-festa imma jibqa’ jagħmel ta’ rasu.

Kemm hu importanti l-messaġġ ukoll għalina li aħna ma nistgħux niddeċiedu aħna hekk: x’jaqbel u x’ma jaqbilx, x’jogħġobna u x’ma jogħġobniex mill-ħajja Nisranija, u nagħmlu ta’ rasna u nippretendu mbagħad li aħna parti minn din il-familja ta’ Alla qisu għax infittxu biss aħna dak li jogħġobna. Dan hu wkoll messaġġ li jgħodd ħafna għal żmienna. Ma nistgħux aħna nqabblu fejn jaqbel u nagħmlu dak li jfettlilna aħna, ta’ rasna mbagħad nippretendu li nkunu parti minn din il-festa li hi tas-Saltna t’Alla.

Nilqgħu l-istedina

Imbagħad hemm dawk li laqgħu l-istedina u ħadu sehem fil-festa, li fetħu qalbhom għall-Mulej, li kienu lesti anke jibdlu l-ħajja tagħhom biex jimxu tassew ma’ dak li jrid il-Mulej. U dan hu l-messaġġ li jagħtina llum Ġesù permezz ta’ din il-parabbola. Kemm hu importanti li aħna nagħrfu l-istedina tiegħu, nilqgħu l-istedina tiegħu ħa nkunu parti minn din il-familja ta’ Alla fejn dak li jmexxina jkun l-ispirtu ta’ mħabba vera lejn Alla u lejn l-oħrajn! Kemm irridu noqogħdu attenti minn dak li jfixkilna; imma fl-istess waqt kemm hu sabiħ meta ngħixu l-ħajja Nisranija kif irid minna Alla.

Għalhekk dan li nixtieq li nitolbu għalina lkoll. Nitolbu ’l Mulej biex aħna jkollna qalbna miftuha għalih, qatt ma nfittxu li nagħmlu ta’ rasna imma li nimxu mal-kelma tiegħu ħalli jkollna fina din l-imħabba tiegħu u nistgħu ngħixu l-ħajja Nisranija bil-ferħ, fil-paċi kif irid hu, bħala festa ta’ mħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti