F’għeluq il-175 sena minn meta nfetħet l-ewwel skola tal-Knisja f’Malta Newsbook tkellem ma’ Fr Leslie Gatt, Provinċjal tal-Patrijiet Agostinjani għaliex propja l-ewwel skola kienet dik ta’ Santu Wistin.

Fr Leslie fakkar li fil-bidu l-edukaturi kienu kollha patrijiet. L-iskola ta’ Santu Wistin infetħet fl-1848, 16-il sena wara li l-Kummissjoni tal-Gvern Ingliż kienet sabet il-bżonn kbir tal-iskejjel, il-bżonn li t-tfal ikollhom edukazzjoni għaldaqstant bdew jinfetħu diversi skejjel. Hu spjega li ċ-ċirkostanzi tal-patrijiet ta’ dak iż-żmien ippermettew li jibdew jaqdu din il-missjoni soċjali.

Illum il-ġurnata hemm aktar minn 170 edukatur li ħafna minnhom lajċi u li jaħdmu f’sinerġija flimkien biex joffru dan is-servizz. Irrakkonta li anke n-nannu tiegħu saħansitra kien eks student tal-iskola ta’ Santu Wistin li dak iż-żmien kienet fil-Belt Valletta.

Il-Knisja f’Malta għandha storja twila, ħafna ordnijiet reliġjużi, anke s-Seminarju djoċesan f’Malta u Għawdex fetħu skejjel primarji u sekondarji tant li llum jedukaw 30% tal-istudenti kollha. Saħaq li l-knisja għandha l-irwol sabiħ li twassal esperjenza edukattiva li fiċ-ċentru tagħha wkoll ikun hemm Ġesù.

Mistoqsi x’inhu l-ikbar sodisfazzjon tiegħu bħala persuna li ħadem direttament fil-Kulleġġ mill-qrib mal-istudenti, qal li l-isbaħ ħaġa hija r-relazzjoni li tinħoloq għax tmur lil hinn mill-konfini tal-iskola, “kultant tiċċelebra magħhom tiġijiet u okkażjonijiet, l-esperjenza tagħna magħhom tmur lil hinn miċ-ċertifikati li wieħed jirnexxielu jikseb.” Semma kif l-iskola takkumpanja mhux biss lill-istudent imma anke lil familjari u ċ-ċirkostanzi li jkunu għaddejin minnhom u żied jgħid li din it-tip ta’ missjoni għandha ssir ma’ kull min jikkolabora magħhom.

Biex jitfakkar dan l-anniversarju saret ċelebrazzjoni kbira ta’ radd il-ħajr fil-knisja ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi, ippreseduta mill-Isqof Awżilarju Joseph Galea Curmi, u l-Aġent President Frank Bezzina fil-preżenza ta’ 800 student u numru sabiħ ta’ edukaturi, patrijiet u membri tas-Segretarjat Kattolika li jservu u li servew f’din il-missjoni edukattiva.

Source: Newsbook.com.mt