Wara li f’Awwissu li għadda l‑Qorti ta’ Malta ddeċidiet li ma jsirx żvilupp f’Ħondoq ir‑Rummien, il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) għamlet is‑suġġerimenti tagħha fil‑proċess ta’ konsultazzjoni tal‑Ministeru għax‑Xogħlijiet Pubbliċi u l‑Ippjanar, u l‑Awtorità tal‑Ippjanar, dwar ir‑reviżjoni tal‑policy tal‑ippjanar għas‑sit ta’ Ħondoq ir‑Rummien kif imfassal fil‑pjan lokali ta’ Għawdex u Kemmuna.

Kwalità tal‑ħajja ħolistika

Il‑Kummissjoni Ambjent qed tipparteċipa fil‑proċess ta’ konsultazzjoni biex issostni li kienet qalet fl‑istqarrijiet maħruġa fl‑20 ta’ Lulju 2010 u l‑24 ta’ April 2013 fl‑eqqel tal‑kwistjoni ta’ Ħondoq ir‑Rummien. Il‑KA kuntenta li rebħu r‑raġuni u l‑ġid komuni fuq l‑interessi ekonomiċi limitati iżda jidhrilha li din il‑kwistjoni ma kellhiex tkarkar għal aktar minn 20 sena.

Kif kienet tenniet fl‑istqarrijiet imsemmija, il‑KA temmen li żvilupp sostenibbli biss jista’ jkattar il‑ġid ambjentali, soċjali u ekonomiku t’Għawdex. B’mod speċjali f’Għawdex m’għadx fadal lok għal mudelli antiki ta’ ekonomija mibnija fuq l‑isfruttament irresponsabbli tar‑riżorsi umani u ambjentali. Kull żvilupp li jseħħ f’din il‑gżira għandu jiżgura li jtejjeb verament il‑kwalità tal‑ħajja ta’ kull ċittadin, iħares lejn gwadann ekonomiku fit‑tul, u jħares il‑wirt kulturali u naturali ta’ din il‑gżira.

Bid‑deċiżjoni li ttieħdet jidher li llum hemm ħafna aktar sensittività għall‑bżonn li l‑industrija tat‑turiżmu tirrispetta l‑bżonnijiet soċjali u ambjentali sabiex hi stess tkun tista’ tilqa’ għall‑isfidi ekonomiċi li jitfaċċaw minn żmien għal żmien u fl‑istess ħin issalva lilha nnifisha.

Għalhekk, għandu jkun żgurat li l‑identità tal‑pajsaġġ u s‑sbuħija tal‑inħawi jkunu valorizzati u konservati ħalli jkunu l‑attrazzjoni prinċipali (principal assets) li biha tiġbed l‑aqwa turist lejn Għawdex. Li jitwaqqaf il‑proġett ta’ Ħondoq ir‑Rummien mhuwiex biżżejjed. Hemm bżonn urġenti li nkunu ferm aktar proattivi fil‑mod kif nindukraw il‑wirt Għawdxi. It‑telqa tal‑barriera u l‑isfreġju ambjentali ta’ madwar il‑bajja għandhom ikunu indirizzati b’mod prattiku u konkret mill‑iktar fis. Il‑KA taqbel mal‑investiment li ser isir fir‑restawr u r‑riġenerazzjoni tal‑post.

Rakkomandazzjonijiet

Il‑KA tirrakkomanda li, bħalma jsir f’pajjiżi Ewropej oħra, jitwaqqaf bord regolatorju, magħmul minn rappreżentanti tal‑awtoritajiet u tal‑komunità, li jiżgura li l‑proċess ta’ restawr u riġenerazzjoni jkun serju, jinkludi l‑istudji kollha neċessarji u jitmexxa b’mod responsabbli. B’hekk jiġu evitati l‑iżbalji li saru fl‑imgħoddi u jitħares il‑benesseri tar‑residenti ta’ din il‑lokalità. Il‑KA tħoss li l‑Kunsill Lokali tal‑Qala għandu jkollu sehem ċentrali f’dan il‑bord peress li baqa’ jiddefendi dan is‑sit mill‑attakki li sarulu matul is‑snin.

Sadattant, il‑bajja ta’ Ħondoq ir‑Rummien rebħet il‑ġieħ internazzjonali tal‑Bandiera l‑Blu (Blue Flag).  Għalhekk ikun għaqli jekk fil‑bajja jitwaqqaf ċentru għall‑edukazzjoni ambjentali ħalli dawk kollha li jżuruha japprezzaw il‑valur naturali u kulturali tal‑post.

Il‑KA tissuġġerixxi li l‑proċess li nbeda mill‑gvern f’din il‑lokalità, jiġifieri ir‑reviżjoni tal‑pjan lokali, ikun estiż malajr għall‑pjan lokali ta’ Għawdex u Kemmuna kollu u l‑pjanijiet lokali l‑oħra kollha, sabiex b’mod immedjat titwaqqaf il‑ħsara li twettqet u għadha qed titwettaq bid‑deċiżjoni tal‑estensjoni tal‑konfini tal‑iżvilupp tal‑2006.

Fl‑aħħar nett, il‑KA tinnota li filwaqt li din kellha tkun konsultazzjoni pubblika, id‑dokument offrut għall‑konsultazzjoni (li jikkonsisti f’policy map) jitlob udjenza teknika, u għaldaqstant jillimita liċ‑ċittadin fis‑sehem li jista’ jagħti. Konsultazzjoni pubblika għandha tiżgura li tiffaċilita opportunitajiet sabiex kulħadd isemma’ l‑opinjoni tiegħu.