• In‑numru ta’ żwiġijiet fil‑Knisja li ġew irreġistrati fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta fis‑sena 2016 kien ta’ 1,354. Minn dawn, 1,160 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 73 żwieġ bejn Maltin u barranin. Dawn kienu mqassmin hekk: 39 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Kattoliċi barranin; 26 żwieġ bejn Kattoliċi Maltin u Insara mhux Kattoliċi barranin; 8 żwiġijiet ta’ Maltin ma’ barranin li mhumiex Insara. Ġew rreġistrati wkoll 10 żwiġijiet bejn Maltin li qed jgħixu f’pajjiżi oħra, u 111‑il żwieġ bejn koppji barranin. 

    It‑73 persuna minn pajjiżi oħra li fl‑2016 ingħaqdu fi żwieġ fil‑Knisja ma’ persuni Maltin kienu 34 raġel u 39 mara, minn 34 pajjiż differenti, ewlenin fosthom mill‑Italja (9), mill‑Ingilterra (7) u mir-Russja (6). L‑aktar xhur popolari għaż‑żwiġijiet kienu Ġunju, Mejju u Lulju rispettivament. L‑aktar etajiet komuni tal‑koppji li żżewġu s‑sena l‑oħra kienu dawk ta’ bejn l‑20 u d‑29 sena.

    Fl‑2016 kien hemm 76 żwieġ li ġie konvalidat. Żwieġ konvalidat huwa żwieġ ċivili li maż‑żmien il‑koppja titlob li jsir bil‑Knisja. Fl‑istess perijodu kien hemm 17 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 51 persuna li reġgħu żżewġu wara li l‑ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.

    Din l‑informazzjoni nġabret mill‑Uffiċċju Żwiġijiet tal‑Kurja tal‑Arċisqof, u ma tinkludix iż‑żwiġijiet li saru fid‑Djoċesi ta’ Għawdex.