• 123 persuna temmew b’suċċess wieħed mill‑14‑il kors li ġew offruti matul l‑aħħar sena akkademika mill‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali flimkien ma’ entitajiet oħra tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Iċ‑ċerimonja annwali tal‑gradwazzjoni saret nhar it‑Tlieta, 20 ta’ Novembru 2018, fil‑knisja ta’ San Duminku, ir‑Rabat, u tmexxiet mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi. Iċ‑ċerimonja bdiet b’Quddiesa ta’ ringrazzjament u wara saret il‑preżentazzjoni taċ‑ċertifikati.

    Il‑korsijiet li temmew il‑parteċipanti kienu fl‑oqsma tal‑familja, it‑tagħlim soċjali tal‑Knisja, l‑ekumeniżmu, l‑ispiritwalità Franġiskana, l‑evanġelizzazzjoni, il‑liturġija, il‑ħidma mal‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ, l‑istudji fl‑ispiritwalità Karmelitana u l‑istudju tal‑Bibbja. Il-korsijiet jaqgħu taħt ir‑raba’, il‑ħames u s‑sitt livell tal‑Malta Qualifications Framework (MQF) u tal‑European Qualifications Framework (EQF).

    L‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali din is‑sena beda t-13‑il sena ta’ ħidma, u din kienet it-12‑il ċerimonja ta’ gradwazzjoni. L‑Istitut twaqqaf fl‑2005 biex iwieġeb għas‑sejħa li ħarġet mis‑Sinodu Djoċesan li joffri formazzjoni lill‑Insara għall‑ħtiġijiet reali tas‑soċjetà, u joffri formazzjoni lil dawk il‑persuni li jħossu l‑bżonn li jimpenjaw ruħhom b’mod attiv fil‑fidi tagħhom.

    Fis‑sena akkademika preżenti, l‑Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali u diversi entitajiet formattivi oħra fil‑Knisja qed joffru 10 korsijiet differenti. Fost dawn hemm il‑kors dwar il‑Ministeru Pastorali tal‑Familja li ser jibda f’Jannar li ġej u l‑kors dwar Alla u l‑Politika li ser jibda f’Marzu 2019. Għal dawn il‑korsijiet qed jattendu 150 parteċipant. L‑informazzjoni dwar il‑korsijiet kollha tista’ titniżżel mill‑websajt www.maltapfi.org. Wieħed jista’ jċempel ukoll fuq 22039513 jew jibgħat imejl fuq [email protected].