**

Direttur:          Ruben Fleischer

Atturi:              Woody Harrelson. Jesse Eisenberg, Abigail Breslin, Emma Stone, Rosario Dawson, Joey Deutch u Luke Wilson

Ħin tal-Film:    99 min

Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      18

Tallahassee, Columbus, Wichita u Little Rock jeħilsuha ħafif mid-diżastru li rajna fl-ewwel film meta l-Amerika kienet ġiet attakkata minn żombies. L-erbgħa li huma jsiru  esperti f’kif jidentifikaw u jeħilsu minn żombies differenti. Jgħixu ġewwa l-White House li issa kienet abbandunata,

Columbus jipproponi lil Wichita billi joffrilha d-Djamant Hope. Sadanittant Tallahassee jaffronta b’mod żorr it-tamiet li Little Rock kellha li trabbi xi tifel u hekk tibda familja. L-għada filgħodu, Tallahassee jsib nota minn  Wichita u Little Rock. Dawn jitilqu minn hemm għax Little Rock kienet qiegħda tħoss li Tallahassee kien qiegħed jittrattaha ta’ tifla.

Min-naħa l-oħra, Wachita kienet qegħda tibża’ li tgħid iva lil Columbus. Xahar wara, Columbus ikun qiegħed jesplora l-mall, meta jiġi maħsud minn Madison li kienet issalvat ruħa waħedha u kienet tgħix ġewwa freezer. Madison malajr iddejjaq lil Tallahassee, għalkemm Columbus jistednu biex tmur magħhom fil-White House. Hi min-naħa tagħha, tibda tisseduċih kontinwament .

Wachita tiġi lura u ssib li Columbus kien raqad ma’ Madison. Hi tispjega li Little Rock kienet marret lejn Graceland flimkien mal-hippee Berkely. Tinforma wkoll lill-sħabha, li kienu jeżistu “super żombies” aktar qlil u li ma tantx kont teħles minnhom malajr. Biex jieħdu ħsieb lil Little Rock u jassiguraw li ma jiġrilha xejn, il-grupp jitlaq lejn Graceland f’minivan qadim. Fit-triq, il-grupp jippruvaw jirrekwiżizzjonaw bil-forza RV lussuż, iżda Madison tqabbad l-alarm b’ riżultat li jiġu attakkati minn żombies iżda jirnexxilhom iġibuhom fix-xejn.

Ftit wara jiltaqgħu ma’ super żombi li biex toqtlu kien hemm bżonn li tisparalu ħafna drabi. Columbus lil dan is-super żombi tah il-laqam ta’ “T-800”. Sadanittant, Madison tibda turi ruħha li qegħda ssir żombi u għalhekk Columbus jeħodha fil-foresta fejn hemm jisparalha. Meta jaslu Graceland, il-grupp isib “the beast” li Tallahassee mmodifika. “The beast” kienet il-limużin tal-President li Little Rock kienet serqet. X’jiġri minn hawn?

Film Amerikan, kummiedja, taħt id-direzzjoni ta’ Ruben Fleisher u kitba ta’ Rhett Reese, Paul Werrick u Dave Callaham. Dan il-film isegwi dak li ħareġ fl-2006 bl-isem ta’ Zombieland. Minħabba vjolenza u qtil ta’ żombies li ma tantx setgħu jiddefendu ruhhom, barra wkoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tmintax-il sena.