Quddiesa Livestream CJS 31/03/20 INP_0058 31 Mar 2020 161202

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fil-ktieb ta’ Antoine de Saint-Exupéry, The Little Prince, ippubblikat kważi tmenin sena ilu (1943), u li baqa’ ktieb imfittex u ta’ ispirazzjoni kbira, hemm djalogu bejn il-volpi u l-prinċep, u l-volpi jgħidlu: ħa ngħidlek sigriet – “It is only with the heart that one can see rightly; what is essential is invisible to the eye.”

Ftakart f’din is-silta proprju fl-aħħar sentenza tal-Evanġelju tal-lum skont San Luqa, meta jgħid li Erodi beda jfittex li jara lil Ġesù (Lq 9:9). Kien sema’ b’dak li kien qed jagħmel Ġesù, u beda jgħid: dan min hu? Kien hemm nies jgħidu li hu Elija, jew li qam wieħed mill-profeti tal-imgħoddi, oħrajn li qam Ġwanni l-Battista, li Erodi kien ordna li tinqatagħlu rasu. Erodi kellu l-kurżità biex jara lil Ġesù. Imma l-qalb tiegħu kienet magħluqa. Qatt ma seta’ verament jagħraf l-essenzjal ta’ min hu Ġesù.

Fittxew li jaraw lil Ġesù

Fl-Evanġelju nsibu diversi nies li fittxew li jaraw lil Ġesù. Niftakru f’Żakkew li xtaq ħafna jara lil Ġesù u tela’ ma’ siġra fil-għoli, u hemmhekk induna li Ġesù kien diġà qed ifittex lilu; beda b’kurżità imma ra lil Ġesù b’qalbu, u l-laqgħa ġabet bidla kbira fih. Niftakru fil-Ġriegi li waslu f’Ġerusalemm u qalu lil Filippu, wieħed mill-appostli: “nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21). Dawn ukoll ġew b’kurżità, imma kellhom qalbhom qed tfittex lil Alla. Niltaqgħu ma’ Xmun fit-tempju f’Ġerusalemm, li kien ilu ħafna jistenna bix-xewqa li jara s-salvazzjoni ta’ Alla, u meta ra t-tarbija f’idejn Marija u Ġużeppi, għaraf li dan kien Ġesù s-salvatur: “…għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int hejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Israel” (Lq 2:30-32). Minn barra kienet tidher tarbija, imma Xmun qara b’qalbu dak li kien essenzjali u li ma kienx jidher minn barra.

Araw il-kuntrast ta’ dawn ma’ Erodi u nies oħra, bħal xi kittieba u Fariżej, li qalbhom kienet magħluqa u għalhekk ma setgħux jaraw dak li hu l-essenzjali f’Ġesù.

Dan l-Evanġelju hu ta’ dawl kbir għalina lkoll f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-lum. Intom nies iddedikati, min f’qasam u min f’ieħor, f’din il-komunità parrokkjali tal-Iklin. Tagħmlu ħafna xogħol b’ġenerożità kbira, u nixtieq nuri l-apprezzament tal-Knisja f’Malta għal dan. Nuri wkoll apprezzament għall-ħidma li saret, u li se taraw ir-riżultat tagħha waqt it-tberik ta’ dan il-post rinnovat u b’espressjonijiet artistiċi ġodda, wara l-esperjenza qarsa tal-pandemija Covid-19.

Il-qalb li tara

Minn barra ġa jidher il-ħafna xogħol li sar. Imma nixtieqkom illum tiffokaw l-aktar fuq il-qalb, f’dak li hu essenzjali: “It is only with the heart that one can see rightly. What is essential is invisible to the eye.”

Permezz tal-mandat tal-lum, intom qed tintbagħtu għall-qadi fil-komunità. Dak li se tagħmlu, se tagħmluh bil-qalb għal Ġesù, mhux għal xi ħadd ieħor. Se tagħmluh għax lil Ġesù tħobbuh verament b’qalbkom kollha, u tafu li huwa hu li jista’ jimla l-qalb tagħkom. Ix-xogħol fih innifsu, meta magħmul b’għaqal, b’serjetà, bir-reqqa u kostanti, jagħtikom soddisfazzjon; u meta magħmul bil-qalb għal Ġesù, hu jimla l-qalb bl-imħabba u qalb mimlija mħabba tgħinna biex nagħrfu dak li hu essenzjal fil-ħidma tagħna.

Ħarsitna fuq Ġesù

Illum nixtieq li aħna lkoll, f’din il-ġurnata, nerġgħu nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù. Niftakru fis-salm: “Ejja, għidt f’qalbi, fittex lil wiċċu. Jien wiċċek infittex, Mulej. La taħbix wiċċek minni” (Salm 27:8). Il-ħidma tagħna nagħmluha qabel xejn biex naqdu lill-Mulej.

Nitolbu biex il-ħidma li nagħmlu tkun tassew għalih. Aħna u naħdmu għalih, tkun xi tkun il-ħidma tagħna fil-komunità, il-Mulej jimla l-qalb tagħna u jgħinna nagħrfu dak li hu essenzjali fil-ħajja. Nitolbu biex jagħtina qalb tixbah lil tiegħu f’dak kollu li nagħmlu, ħa nagħmluh bl-istess spirtu tiegħu. Nitolbuh biex permezz tal-ħidma tagħna jkunu ħafna dawk li jersqu lejn Ġesù u jkunu jistgħu jagħrfuh, iħobbuh u jgħożżuh tassew f’qalbhom.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Isqof Awżiljarju