• Nhar l-Erbgħa 25 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra l-Festa tal-Konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, fil-Knisja ta’ San Pawl, Birkirkara. 
     

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja ta’ San Pawl, Birkirkara
    25 ta’ Jannar 2017

    “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9, 4). Dawn kienu l-ewwel kelmiet li Sawlu, Pawlu, sema’ minn fomm il-Mulej, l-ewwel kelmiet ta’ esperjenza li hu kellu jirrakonta diversi drabi, tant li fit-Testment il-Ġdid għandna tliet rakkonti ta’ dan l-avveniment, tnejn fl-Atti tal-Appostli, wieħed ukoll f’waħda mill-Ittri ta’ San Pawl, u kienet esperjenza li mmarkat ukoll ir-riflessjoni profonda tal-appostlu Missierna.

    “Għaliex qiegħed tippersegwitani?” Ir-riflessjoni nafuha. Ma qallux: għax qiegħed tippersegwita lill-Insara, għax ir-rakkont hekk jgħidilna. “Kien għadu bil-qawwa kollha jhedded bil-mewt lid-dixxipli tal-Mulej, mar għand il-Qassis il-Kbir u talbu jagħtih ittri għas-sinagogi ta’ Damasku biex ikun jista jaqbad lil min isib miexi fuq din it-triq u jeħodhom marbuta, irġiel u nisa, f’Ġerusalemm” (vv 1-2). Kien qed jippersegwita lill-Insara, lil dawk li kienu mixja fuq din it-triq. Intom tafu li l-ewwel kelma li l-Insara kienu jużaw għall-esperjenza tagħhom ma’ Ġesù kienet: it-triq, the way, il’ cammino. Ma kinux jgħidu r-reliġjon, imma ‘it-triq’.

    Imma Ġesù ma jgħidlux ‘għaliex qiegħed tippersegwita lil sħabi’, imma “qed tippersegwitani”, u meta ’l quddiem nisimgħu lil Pawlu jitkellem fuq il-Ġisem ta’ Kristu, li aħna membri ta’ Ġesù, li huwa r-Ras tal-Ġisem, nimmaġinah jibqa’ jirrifletti fuq dan il-kliem ta’ Ġesù: dak li wieħed jagħmel lill-Knisja qed jagħmlu lil Ġesù u meta wieħed jippersegwita lill-Knisja, Ġesù ma jgħidlux ‘għaliex qiegħed tippersegwita lill-Knisja tiegħi’, imma jgħidlu: “għaliex qiegħed tippersegwitani”. Min iġib il-firda fil-Knisja, Ġesù jgħidlu: għaliex trid tifridni?

    Din il-mistoqsija ta’ Pawlu hija mistoqsija li twaħħadna mal-esperjenza tiegħu. “Min int, Mulej?” (v. 5). Din hija l-mistoqsija li ssegwina bħalma segwiet ukoll lil Pawlu li l-ħajja tiegħu saret l-għarfien ta’ Ġesù u l-imħabba tiegħu, li ssegwina tul ħajjitna kollha. “Min int Mulej, min int?” “Jiena Ġesù, li inti qiegħed tippersegwita” jerġa jinsisti miegħu. Din il- medeżitazzjoni totali ta’ Ġesù mal-komunità tiegħu, mal-komunità ta’ dawk li qegħdin miegħu.

    “Imma issa qum u ilbes u jgħidulek x’għandek tagħmel” (ara v. 6). Hawnhekk Ġesù lil Sawlu jindikalu lill-Knisja. Min irid ikun jaf il-volontà ta’ Ġesù jistaqsi lill-Knisja: “mur u jgħidulek x’għandek tagħmel”. Min irid ikun jaf il-volontà vera, il-qalb vera ta’ Ġesù jistaqsi lill-Knisja, mhux il-blogs, imma lill-Knisja, jistaqsi lill-Papa u l-Isqfijiet f’komunjoni mal-Papa. Min irid ikun jaf x’irid minnu Ġesù jistaqsi lill-Papa, u mhux ta’ qabel, jew ta’ qabel ta’ qabel, il-Papa. Aħna dejjem, għall-grazzja t’Alla nippruvaw ikollna wieħed Papa, il-kanonku jgħallimna li ġieli kellna tlieta jiġġieldu bejniethom ukoll, laħaq kellna tlieta, sa tlieta wasalna. Ħin minnhom kellna wkoll id-dinja Kattolika maqsuma għax aħna konna skomunikajna lil xulxin, għax aħna għandna l-hobby, għandna ħabta nwaddbu l-ġebel lil xulxin ukoll, sal-ġurnata tal-lum. Imma lil Sawlu jibagħtu d-dar tal-Knisja.

    Hemm imbagħad il-messaġġier tal-Mulej li jismu miegħu, Ħananija. Ħananija hija verżjoni oħra ta’ Joħannan imma Ħananija ġej ukoll mill-għerq tal-ħniena. L-isem ta’ min lil Pawlu qallu l-missjoni tiegħu, ismu stess kien. Pawlu fil-Knisja, għand Ġesù, dak li qabel kien jippersegwitah sab il-ħniena. Ħaħanija ħin minnhom ma jifhmix, qallu: jiena dan smajt fuqu, Mulej. Għax fid-djalogu bejn Ħananija u l-Mulej huwa ħelu wkoll. Ħananija għandu din l-intimità ma’ Ġesù li jista’ jagħmillu anke xi oġġezzjoni, speċi “x’ġaralek illum?”  “Jiena smajt mingħand ħafna fuq dan ir-raġel kemm għamel ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm” (v. 13). Kemm hi sabiħa din l-espressjoni. Aħna ma tantx nużawha għal xulxin għax aħna nippreferu li l-qaddisin ikunu tal-kartapesta jew tal-alabastru. Imma dawn li kienu fit-triq, għalkemm midinbin,  kienu jissejħu qaddisin. “Għamel il-ħsara lill-qaddisin tiegħek f’Ġerusalemm u issa qiegħed hawn bis-setgħa f’idejh mingħand il-qassisin il-kbar li jaqbad lil dawk kollha li jsejħu ismek” ( v. 14).

    Kemm tkun ħaġa sabiħa nieqfu ftit fuq dan il-qari u nifhmu l-Insara ewlenin jesprimu l-esperjenzi tagħhom: kienu dawk li jsejħu isem Ġesù. Aħna l-Maltin magħrufin għad-dagħa u rridu nagħmlu tpattija xierqa ta’ dan il-vizzju nazzjonali. Aħna biex nagħmlu xi ħaġa b’enfażi, jew anke dik ir-rabja kultant anke għax wieħed jiskorja gowl, irridu inniżżlu lil Alla, lill-Madonna u lill-qaddisin. U għalhekk jiena nieħu pjaċir li hawnhekk nagħmlu wkoll l-adorazzjoni u nixtieq li tkun adorazzjoni ta’ tpattija għad-dagħa. Issa ormai m’għandna l-ebda liġi li tipproteġi l-unur ta’ Alla, għax issa sirna tant progressivi u liberali, imma aħna rridu nipproteġu lil Alla bit-tpattija umli tagħna għarkubbtejkna quddiem is-Sagrament.

    “Mur”. Ġesù jinsisti ftit, Ġesù rasu iebsa, imma qalbu ħelwa u umli. “Mur”, m’hemmx argumenti “għax dan ir-raġel hu għodda magħżula”. Mhux biss għodda magħżula imma hu ‘oġġett ta’ għażla speċjali’. Jiena lil dan l-imbierek raġel, persekutur tiegħi,  għandi propju missjoni speċjali biex iwassal ismi “quddiem il-ġnus u s-slaten u quddiem ulied Israel” (v. 15). U f’dawk il-ġnus hemm aħna. F’dawk il-ġnus li jsemmi Ġesù, hemm aħna. Din hija grazzja kbira li aħna m’għandniex ilsien biex nirringrazzjaw lil Alla tagħha. F’dik il-kelma li juża’ Ġesù ma Ħananija, hemm aħna, aħna l-Maltin u l-Għawdxin.

    “Jiena stess nurih kemm għad irid ibati minħabba f’ismi” (v.16). U Ġesù ma joqgħodx, m’hemmx soft landing, qabel il-Magħmudija, il-missjoni li ngħatatlu kienet immarkata bit-tbatija. Ħafna drabi forsi ftit, li l-Mulej waqt li qiegħed jagħżel lil Pawlu, qed jgħidlu wkoll biex ibati. “Telaq Ħananija lejn id-dar ta’ Ġuda, daħal, qiegħed idejh fuq Sawl u qallu: ‘Sawl, ħija, il-Mulej Ġesù li deherlek fit-triq inti u ġej ‘l hawn, bagħatni biex terġa’ tieħu d-dawl u timtela bl-Ispirtu s-Santu’. F’daqqa waħda waqgħu bħal qxur minn għajnejh u reġa’ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed, ħa xi ħaġa tal-ikel u stejqer” ( vv. 17-18)

    Dan huwa appostlu li tgħammed. Il-ħdax l-appostlu l-ieħor, it-tnax ma tgħammdux, imma dan huwa l-appostlu li tgħammed, dan huwa l-appostlu li rċieva l-Magħmudija li rċevejna aħna. Din hija l-Magħmudija fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Tgħiduli għaliex, x’differenza? Għaliex is-sagrament huwa laqgħa ta’ Ġesù permezz tal-Knisja tiegħu, Ġesù permezz tal-Knisja tiegħu. Il-ħdax kellhom il-kuntatt dirett ma’ Ġesù, ma kellhomx bżonn is-sagramenti biex jiltaqgħu ma’ Ġesù, imma Pawlu, wara l-qawmien ta’ Ġesù, kellu bżonn is-sagramenti. L-istorja tal-konverżjoni stess tgħallimna li s-sagramenti huma l-laqgħa speċjalissima mal-Mulej Ġesù. Huma dawk li jiftħulna għajnejna għall-verita, għad-dawl.   

    Hu malajr beda jxandar lil Ġesù fis-sinagogi: “Dan hu l-iben ta Alla”. “Li inti Lhudi”, bħalma qrajna fit-Tieni Qari, “aktar minn sħabi kollha ta’ mpari kont ‘il quddiem fir-reliġjon imma dak li għażilni minn ġuf ommi sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrevelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus” (ara Gal 1, 14-16). Pawlu stess lill-Galatin jagħti sinteżi tal-esperjenza u l-missjoni tiegħu: ‘is-sejħa minn ġuf ommi, il-grazzja tal-Mulej li hija wkoll il-ħniena tiegħu, ir-rivelazzjoni li Ġesù huwa Iben il-Missier’.

    Dan li qegħdin niċċelebraw illum. F’dan il-jum jibda preparazzjoni prossima għall-festa fl-10 ta’ Frar, imma l-festa li nagħmlu fil-10 ta’ Frar hija diġa nkluża f’dan il-jum, f’din l-esperjenza ftit il-bogħod minn Damasku. Illum irridu nitolbu b’mod partikolari għal Damasku, għas-Sirja. Kuljum naraw xeni mis-Sirja fuq it-televixin, martirizzata bi vjolenza u ħruxija, u ftit forsi nikkolegaw din l-art imbierka mal-appostlu Missierna, hu li f’Damasku tgħammed u saret għażiża ħafna għalih. Jiena nispera li jkollna ċ-ċans li mmorru fid-dar ta’ Ħananija fejn tgħammed Pawlu, li għadha Damasku fejn hemm anke knisja. Meta mort fl-2008 din il-ħaġa mpressjonatni, jiena stajt inqaddes fejn tgħammed l-appostlu Missieri. F’dak il-post għażiż kulma għandi iġġedded fil-Magħmudija tiegħu għax minn hemmhekk ħarġet ukoll il-fidi tagħna.             

    Ejjew nitolbu lill-appostlu Missierna għalina, nitolbuh biex aħna nħossuna parti mill-ġisem ta’ Ġesù li jibqa’ dejjem ippersegwitat imma dejjem rebbiegħ għaliex ir-Ras tagħna li hu Kristu hija fil-glorja u aħna l-membri dgħajfin ta’ Ġesù, kulħadd skont il-missjoni tiegħu, għandna bżonnn nipparteċipaw mill-grazzja li mill-milja tiegħu bħalma jgħid Ġwanni “aħna ħadna grazzja fuq grazzja”. Grazzja, mimli bil-grazzja, u l-verità. Aħna għandna bżonn din id-dielja nibqgħu fiha, inħalluh joqgħod jiżborna ’l hawn u ’l hemm għax iħobbna, imma nibqgħu fid-dielja li huwa Ġesù biex nagħmlu l-frott u l-frott tagħna jibqa’ (ara Ġw 15, 5).

    Il-kriterju jekk intix fid-dielja huwa jekk intix verament iben tal-Papa, tal-Papa li jkun, mhux dak li tixtieq, tal-Papa li jkun; jekk intix doċli għall-kelma: il dolce Christo in terra. Ejjew nitolbu biex aħna l-Maltin nibqgħu wlied San Pawl u wlied il-Papa bħalma dejjem konna. U niftakru f’dak li kien jirrepeti ħafna San Ġorġ Preca: ego cum Papa semper, mhux darba iva u darba le, mhux it-Tnejn iva u t-Tlieta le, ego cum Papa semper u din tkun il-glorja tal-Knisja tagħna f’dawn il-Gżejjer.

     Charles J. Scicluna
        
    Arċisqof ta’ Malta 

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja; Knisja ta’ San Pawl, Birkirkara