•  

  • Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

     

  • Knisja Parrokkjali, Ħal Balzan
    11 ta’ Awwissu 2018

    Seba’ u għoxrin sena ilu ġejt għall-ewwel darba bħala saċerdot fil-parroċċa ta’ Ħal Balzan. Kont dħalt fil-knisja, ħarist lejn Marija Annunzjata, u tlabtha li fiż-żmien li ngħaddi f’din il-parroċċa, bħalha nkun qaddej tal-Mulej u tal-poplu tiegħu.

    Illum nirringrazzja lil Marija li għenitni biex ngħix dak li tlabt. Meta llum inħares lura lejn dawn is-snin li għaddew, niddeskrivihom proprju bil-motto li għażilt: Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba. Hawn sibt komunità sabiħa li nbidlet tul is-snin, imma baqgħet komunità ta’ għożża u ta’ mħabba. Stajt naqdi hawn bħala saċerdot bil-ferħ, bis-serenità u fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum. Jien u miexi lejn il-knisja ta’ Ħal Balzan, iktar ma għadda ż-żmien, iktar kont niġi b’ħeġġa f’din il-komunità. Ta’ dan, mill-qalbi, nirringrazzja lil din il-parroċċa għażiża.

    Il-Mulej permezz ta’ Papa Franġisku talabni nkun qaddej bħala isqof. Talabni li dak li għext hawn inkompli naqsmu ma’ tant oħrajn f’Malta.

    Issa l-Mulej permezz ta’ Papa Franġisku talabni nkun qaddej bħala isqof. Talabni li dak li għext hawn inkompli naqsmu ma’ tant oħrajn f’Malta. Mhux li ma nibqax hawn, għax hawn nibqa’ niġi; imma li nifirxu. U bħal 27 sena ilu, erġajt sibt f’Marija Annunzjata ispirazzjoni kbira għal dan.

    Kif rajna fl-Evanġelju, Marija mhux kollox fehmet. “Kif ikun dan?” kienet l-ewwel mistoqsija li għamlet, u dik hi ħaġa naturali, bħar-reazzjoni ta’ Ġeremija fl-Ewwel Qari. U r-risposta tal-anġlu lil Marija ma spjegatx kollox. Imma Marija fehmet ħaġa importanti: li dik kienet ir-rieda ta’ Alla, u jekk hi tkun qaddejja tiegħu, hu kien se jagħtiha l-qawwa li kellha bżonn u jgħinha tegħleb il-biża’. Qiegħdet il-fiduċja tagħha f’Alla li jħobb, li hu ta’ min jafdah, u baqgħet b’din il-fiduċja sal-aħħar ukoll meta kienet fl-iktar żmien diffiċli, taħt is-salib.

    Nitlob lil Marija li bħalha ngħożż il-ħajja u naħdem biex ħafna nies jgħożżu l-ħajja.

    Jien illum irrid inħares lejha u nitlobha biex tmexxini hi fil-missjoni ġdida li Alla qed jafdali. Nitlobha tagħtini l-kuraġġ u l-qawwa li kellha hi, u li bħalha f’ħajti nibqa’ dejjem ngħid: Hawn jien il-qaddej tal-Mulej. Isir minni skont kelmtek.

    Nitlob lil Marija li bħalha ngħożż il-ħajja u naħdem biex ħafna nies jgħożżu l-ħajja. Fil-mument tat-tħabbira, meta hi aċċettat il-messaġġ tal-Mulej—hu l-mument li għandna fis-santa fil-pittura ta’ Domenico Bruschi—hemmhekk hi saret Omm. Bdiet fiha ħajja umana ġdida. Ftit ċelloli kienu, imma hemm bdiet il-ħajja ta’ Ġesù. L-inkwatru titulari ta’ Marija Annunzjata tal-parroċċa tagħna, ta’ Giuseppe Calleja, juri mbagħad lill-anġlu did-darba hu għarkubbtejh, għax hemm ħajja umana ġdida. L-anġlu qed iqim dan il-miraklu ta’ ħajja ġdida. Marija, sa mill-bidu, tgħallimna ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, imma wkoll f’kull waqt ieħor. Il-ħajja fil-ġuf hi għażiża, il-ħajja barra l-ġuf hi għażiża, il-ħajja ta’ min qiegħed bejn sema u ilma hi għażiża, il-ħajja ta’ min hu waħdu u tilef kull fiduċja hi għażiża. Nitlob li bħal Marija nkun xandar tal-għożża tal-ħajja.

    Nitlob lil Marija wkoll li naqdi l-missjoni ġdida bl-akbar imħabba. Kull fejn hemm Marija fl-Evanġelju, hemm ħafna mħabba. L-imħabba li hi espressjoni tal-fidi. San Pawl ifisser dan lill-Efesin b’mod sabiħ ħafna: “Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin… kunu mela tixbhu lil Alla bħala wlied maħbuba”. Hi l-imħabba lejn kulħadd, li ma tagħmilx distinzjoni ta’ razza, kulur, reliġjon, partit politiku, ġeneru. Hi l-imħabba li taqdi mhux li tinqeda bin-nies, l-imħabba li kif jgħid San Pawl tgħinna nwarrbu l-imrar, il-korla, tagħjir u l-għajat. U nnutaw: San Pawl kiteb żmien qabel ma seta’ jaqra l-kummenti li jkun hemm ħafna drabi fuq il-midja soċjali ta’ żminijietna. L-imħabba tgħinna naħfru, negħlbu dak kollu li jweġġa’, u b’hekk ngħixu tassew fil-paċi ta’ Alla.

    Għalhekk, illum, inħares lejn Marija u nitlobha tgħinni biex inkun isqof qaddej tal-Mulej li nfittex ir-rieda tiegħu, li nkun xhud tal-għożża tal-ħajja u promotur tal-akbar imħabba fil-ħajja ta’ kuljum. Itolbu għalija biex inkun isqof skont il-qalb ta’ Alla.

     Joseph Galea-Curmi

        Isqof Awżiljarju

     


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Ger 1, 4-10
    Salm: 33 (34)
    Qari II: Ef 4, 30 – 5,2
    Evanġelju: Lq 1, 26-38

     

  •  

  • Ritratti: Kurja – knisja.mt/ritratti