L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm diversi nies li jisseparaw, jagħmlu firda bejn min hu twajjeb u min iħaddem moħħu. Fil-fatt, tismagħha din, fuq xi ħadd: “Dak veru twajjeb, m’għandux ħażen”, imbagħad wara ftit “jagħmlu li jridu bih!” U fuq ħaddieħor; “Dak ħażin, moħħu jilħaqlu, ma jidħkux bih!”

Qisha hemm firda bejn il-wieħed u l-ieħor, ma tistax tkun il-wieħed u l-ieħor f’daqqa. Fil-fatt, diversi nies jgħidu li kważi aħjar ma tkunx twajjeb, ħalli n-nies ma jagħmlux li jridu bik. Imma Ġesù ma jifridx ħaġa minn oħra, u lill-appostli tiegħu jgħidilhom fil-fatt: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”.

Xi jfisser dal-kliem ta’ Ġesù? Nifhmuh tajjeb fil-kuntest ta’ meta qed ikellem lill-appostli, u qed jgħidilhom kif se jiltaqgħu ma’ ħafna ostakli, diffikultajiet, fil-missjoni tagħhom, u persekuzzjonijiet kultant ukoll min-nies ta’ ġewwa. U hemmhekk jgħidilhom li qed jibgħathom “bħal nagħaġ qalb l-ilpup”. Huma nagħaġ għax għandhom lil Kristu bħala ragħaj, u hekk għandhom jibqgħu: li Kristu jkun ir-ragħaj tagħhom. Meta jkunu qalb l-ilpup, m’għandhomx isiru lpup qalb l-ilpup imma jibqgħu nagħaġ bi Kristu r-ragħaj tagħhom. Jekk huma jsiru lpup bħall-ilpup, jitilfu lir-ragħaj tagħhom għax Kristu mhuwiex ir-ragħaj tal-ilpup imma tan-nagħaġ. Għalhekk hu importanti dad-diskors li Kristu jagħmel lill-appostli u jagħmlu lilna lkoll.

Alla tana moħħna biex nużawh, u jrid li aħna nkunu għaqlin, jiġifieri nagħmlu d-deċiżjonijiet tagħna b’għaqal.

Imbagħad Ġesù jgħidilhom, u qed jgħid lilna wkoll: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”. Iridna nkunu “safjin bħall-ħamiem”, jiġifieri b’intenzjoni tagħna nadifa u b’qalb sinċiera, li nfittxu nagħmlu dak li hu sewwa u li nagħmlu l-ġid, u qatt li aħna nqarrqu bl-oħrajn. Dan ifisser li anke jekk inkunu qalb nies oħra li din tkun it-tendenza tagħhom, Ġesù jgħid “kunu safjin bħall-ħamiem”, jiġifieri, tgħidx: “Ara l-ieħor x’qed jagħmel! Ara dak jagħmel li jaqbillu, allura jien ma nagħmilx hekk?” Ġesù qed jgħidilna: kunu safjin bħall-ħamiem.

Fl-istess waqt, jgħidilna “Kunu għaqlin bħas-sriep”. Alla tana moħħna biex nużawh, u jrid li aħna nkunu għaqlin, jiġifieri nagħmlu d-deċiżjonijiet tagħna b’għaqal. Dan ifisser li niżnu sew l-affarijiet, u dak li niddeċiedu ma jkunx “għax l-oħrajn qed jagħmlu hekk”, imma għax dik hi d-deċiżjoni t-tajba. Ħu, pereżempju, bħalissa li għadna fiż-żmien tal-pandemija. X’differenza tagħmel jekk aħna nimxu bil-għaqal! Kemm nagħmlu ħafna aktar ġid meta nimxu bil-għaqal u nsegwu sewwa l-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa ta’ kulħadd! Tagħmel ġid lil kulħadd. L-għaqal ifisser ukoll li aħna mbagħad noqogħdu attenti li ħaddieħor ma jqarraqx bina. Għalhekk il-Mulej jagħtina wkoll il-moħħ tagħna, biex b’għaqal ma nidħlux f’xi nasba ta’ xi ħadd u ma nħallux lil min iqarraq bina.

Għalhekk, dawn imorru flimkien, mhumiex kontra xulxin; u aħna li mexjin wara Ġesù, importanti li jkunu t-tnejn fil-ħajja tagħna: “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”. Nitolbu lill-Mulej l-għajnuna tiegħu l-ewwel nett biex aħna dejjem nibqgħu n-nagħaġ u hu jkun ir-ragħaj tagħna, qatt ma nsiru lpup aħna; imbagħad ukoll biex aħna nimxu bis-sinċerità tal-qalb u b’intenzjoni tajba u nadifa, u fl-istess waqt b’għaqal biex ħadd ma jqarraq bina.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju