L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jagħtina din il-parabbola sabiħa u l-ewwel nett jindirizzaha lill-Fariżej u l-kittieba. Dawn kienu tfixklu għax innutaw li kien jilqa’ għandu lill-midinbin u l-pubblikani. Ġesù ma jikkundannahomx lill-Fariżej; imma din il-parobbola sabiħa, jagħti lilhom u lilna bħala tagħlima importanti ħafna.
L-ewwel nett jifhem li l-midneb hu dak li jixtieq il-mewt tal-missier; għaliex li inti titlob il-wirt qabel ma’ missierek miet, donnok qed tgħidlu: ‘kemm se ddum ħaj? Meta se niret?’ U l-missier, nimmaġinah b’għafsa ta’ qalb, jantiċipa l-wirt u jaqsmilhom ġidhom. Id-dnub hu wkoll li tberbaq l-opportunitajiet u l-ġid tal-ħajja. Id-deċiżjoni tat-tifel iċ-ċkejken hu li jsorr kollox, jitlaq ’il bogħod u jberbaq ġidu.
Fid-dnub hemm il-ħela tagħna, li dak kollu li tana Alla ma nużawhx kif suppost; minflok jibnina, ikissirna. U f’dak li ġralu ċ-ċkejken, hemm ukoll kull wieħed u waħda minna, meta nitbiegħdu minn Alla, meta naħlu l-opportunitajiet li jagħtina l-Mulej, meta nisfaw fil-ġuħ tal-imħabba, tal-ġustizzja. Imma hemm xi ħaġa li ssalvah lit-tifel iċ-ċkejken, u li ssalva lili u lilek. F’ħin minnhom daħal fih innifsu u realizza x’tilef meta tbiegħed mill-missier. Irrealizza li anke l-lavranti ta’ missieru, kienu aħjar minnu, hu li hu l-iben. “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!” (Lq 15:18); u jien li writ lil missieri, u ħlejt ġidi kollu.
X’jagħmel? Jiddeċiedi li jerġa’ lura għand il-missier. Imma fil-verità, fuqu nnifsu jgħid: “Dnibt kontra s-sema u kontra missieri” (Lq 15:18). Huwa l-mument tal-verità u tal-umiltà. Li jiftaħ tieqa fuq il-ħniena ta’ Alla. Hu ma jippretendix li jerġa’ jiġi stmat bħal iben; jagħraf dnubu, u jippretendi almenu li jkun lavrant; imma almenu fid-dar tal-missier.
Fid-dnub hemm il-ħela tagħna, li dak kollu li tana Alla ma nużawhx kif suppost; minflok jibnina, ikissirna.
Hawnhekk hi sorpriża li Ġesù jipprova jgħallem lill-Fariżej u lill-kittieba li kienu jafu l-liġi, li kienu jgħixu ħajja eżemplari, u kienu nies rispettati. Ir-reazzjoni tal-missier hi ħafna ikbar mid-dnub tat-tifel. “Kif kien għadu fil-bogħod, missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu” (Lq 15:20). Jordna li jlibbsuh l-aħjar ilbies, ixiddulu ċ-ċurkett tad-dinjità f’sebgħu, u s-sandli f’riġlejh, fejn qabel kien ħafi; u jorganizzalu festa, bl-għoġol imsemmen.
Hawnhekk jidħol ħuh il-kbir. Ħuh il-kbir qiegħed jagħmel ix-xogħol li għandu jagħmel, qiegħed jaħdem l-għalqa, u jisma’ d-daqq u żfin. Nimmaġina li l-missier, huwa u jinkwieta għall-iben iċ-ċkejken, ma kellux moħħ id-daqq u żfin f’dawk is-snin. Imma issa mid-dar ħiereġ l-għana ta’ ferħ. X’ġara? “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol imsemmen, għax reġa’ kisbu qawwi u sħiħ” (Lq 15:27). Il-kbir jinfiska għax iħoss li hu kien dak li obda l-missier, m’għandhiex issir festa għat-tifel li berbaq ġidhom kollu. Anzi, nafu x’ġara, proprju mill-għafsa ta’ qalb tal-kbir: “belgħalek ġidek man-nisa żienja” (Lq 15:30).
U jerġa’ joħroġ dan l-imbierek missier mid-dar. L-ewwel darba ħareġ biex jilqa’ liċ-ċkejken li reġa’ lura “għax kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15:32); u jerġa’ joħroġ mid-dar it-tieni darba jfittex lill-kbir. U jgħidlu xi ħaġa għażiża, li għandna bżonn nitgħallmuha lkoll: “Ibni, kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u reġa’ qam, kien mitluf u nstab” (Lq 15:31-32). “Kulma għandi huwa tiegħek” inkluż qalbi. Għax il-missier kien tah ġidu, afdah bir-responsabbiltà. Imma kien hemm xi ħaġa lit-tifel il-kbir kien għad baqagħlu jieħu mingħand missieru, dik li jitgħallem minnu: il-qalb ta’ missier ta’ vera. Jiena ngħid, ta’ omm ta’ vera wkoll. Għax f’dan il-missier, hemm il-laqtiet tal-verità tad-dixxiplina, imma hemm ukoll l-imħabba u l-kompassjoni tal-omm.
L-Evanġelju, ir-rakkont ta’ Ġesù, ma jgħidilniex x’għamel it-tifel il-kbir. Irritorna d-dar biex jifraħ ma’ ħuh? Ma nafux! Għax ir-risposta, Ġesù, ħalliha f’idejn il-Fariżej u l-kittieba. Qiegħed jgħidilhom: jiena qed nifraħ mal-midinbin u l-pubblikani, li għarfu min huma, u għandhom xenqa kbira għall-ħniena u l-imħabba tal-Missier. Irridu jerġgħu lura d-dar, intom x’se tagħmlu? Se tkunu parti mill-festa tal-imħabba u l-ħniena?
Il-Papa Franġisku għandu din il-frażi: ‘Alla ma jgħejja qatt jaħfer, aħna kultant ngħejjew nitolbuh maħfra’. Forsi ngħejjew nitolbuh maħfra jew għax ma rridux nammettu li żbaljana, għax iebsa li tgħid: jiena fattartha; jew għax inħossu li jekk nammettu se jiġġudikawna wisq. Ejjew nifhmu x’inhu jgħallimna l-Mulej. Napprezzaw il-verità ta’ min jaċċetta li żbalja. U la hemm din il-verità, ejjew ikollna l-qalb ta’ dan il-Missier mimli ħniena.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġoż 5:9a.10-12
Salm: 33 (34):2-3,4-5,6-7
Qari II: 2 Kor 5:17-21
L-Evanġelju: Lq 15:1-3,11-32