L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Kiltu mill-ħobż u xbajtu.” Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù lil dawn in-nies li ħadu biċċa xogħol biex jaslu sa fejnu. Dawn in-nies qagħdu jistennew fejn il-baħar biex jaraw Ġesù jinżilx minn xi dgħajsa, u meta ndunaw li ma niżilx Ġesù, ħadu huma d-dgħajjes biex imorru jfittxuh. U sabuh f’Kafarnahum. Qalulu: “meta ġejt hawn?” (Ġw 6:25) U Ġesù jgħidilhom: “…intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (Ġw 6:26).

Nixtieq li naħsbu l-ewwel nett fuq din il-kelma li jgħid Ġesù hawnhekk. Mal-ewwel nindunaw li Ġesù dejjem jitkellem ċar man-nies, bla kantunieri. U lin-nies jgħidilhom dak li għandhom bżonn jisimgħu, mhux jgħidilhom xi ħaġa biex jintgħoġob man-nies. Fil-fatt tolqotna hawn, bħal diversi mumenti oħra tal-ħajja ta’ Ġesù, kif hu ma jagħmilx għall-popolarità, biex lin-nies jattirahom lejh ħa jkun popolari. Hawnhekk in-nies ġew min-naħa l-oħra ħdejh, imma qatt ma telgħet għal rasu din li n-nies qed ifittxuh biex jiġu madwaru. Lin-nies kien jgħidilhom dejjem dak li għandhom bżonn jisimgħu, mhux dak li jogħġobhom, jew li jdoqq tajjeb għal widnejhom.

Hawn jgħidilhom Ġesù ċar u tond: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27). Ġesù qed jiddistingwi bejn dak li jgħaddi u dak li jibqa’, bejn dak li jissodisfa lill-bniedem għal mument jew għal żmien, u dak li jibqa’, u jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. Din hija distinzjoni importanti, u Ġesù qed iħeġġeġ lin-nies biex jitħabtu għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

Aħna fejn se nkunu nafu dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem u dak li jgħaddi, din id-distinzjoni? Min se jurina dan? Turina l-kelma ta’ Alla, imma turina wkoll l-esperjenza tal-ħajja. Ġesù għen lin-nies biex jagħmlu dik il-mistoqsija importanti, li għamlulu fil-fatt. Jgħidulu: “X’għandna nagħmlu?” Din insibuha drabi oħra fl-Iskrittura, bħal meta Ġwanni l-Battista kien qed iħejji lin-nies għall-miġja tal-Messija, u kien qed jitkellem fid-deżert, u r-reazzjoni tan-nies kienet: “X’għandna nagħmlu?” (Lq 3:10) U anke jekk immorru mbagħad għat-Tħabbira tal-Għid, meta Pietru ħareġ biex iwassal l-Aħbar li Kristu qam mill-mewt; kif jispiċċa jitkellem, in-nies jagħmlu din il-mistoqsija: “X’għandna nagħmlu?” (Atti 2:37) U hawn jagħmlu lil Ġesù l-mistoqsija: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?” (Ġw 6:28) 

Dan hu messaġġ importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Lilna wkoll Ġesù jħeġġiġna biex nagħrfu niddistingwu dak li jgħaddi minn dak li jibqa’, u nitħabtu tassew għal dak li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem. X’inhu li jgħaddi? Li jgħaddi hu dak li jista’ jaqdina għal mument jew għal żmien – jista’ jkunu l-flus, il-proprjetà, l-oġġetti li jkollna, imma li ma jibqgħux għal dejjem. Taħżen kemm taħżen, f’mument minnhom se tħallihom lil ta’ warajk. X’inhu li jibqa’? Li jibqa’ hu dak li Alla jiżra’ fina u li jimla tassew lil qalbna u li jibqa’ għal ħajja ta’ dejjem – bħall-paċi, l-imħabba, l-għożża, il-ferħ. Li jiġi minn Alla u jibqa’. U jibqa’ l-ġid li nagħmlu; il-ġid li nakkumulaw f’mument jew ieħor jgħaddi. Għalhekk Ġesù jridna nitħabtu għal dak li jibqa’, u nużaw il-ġid li jgħaddi b’mod li ma nitilfux il-ġid li jibqa’ għal dejjem, anzi b’mod li nsaħħu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna wkoll fit-talb nagħmlu din il-mistoqsija li għamlu n-nies: X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri tiegħek, Mulej? U li jagħtina l-għerf biex nagħrfu niddistingwu bejn dak li jgħaddi  u dak li jibqa’, u nużaw il-ġid li jgħaddi b’mod li ma nitilfux il-ġid li jibqa’ għal dejjem.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta