L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-kapitlu 8 ta’ San Ġwann hu kapitlu, fejn ir-raba’ Evanġelju jippreżentalna konflitti kbar bejn Ġesù u l-establishement reliġjuż ta’ dak iż-żmien: il-Fariżej, il-Kittieba. U fil-fatt fil-bidu ta’ dan l-Evanġelju jitkellem mal-Fariżej, dawk li kienu l-għorrief tal-liġi, dawk li kellhom il-qawwa jinterpetaw il-liġi u jgħidu lill-poplu kif għandu jsegwi l-liġi.
Jinsisti magħhom fuq xi ħaġa li ma jiħdux gost biha. Qed jirrufjutaw l-evidenza, il-qawwa ta’ Alla li qed topera fih u allura jgħidilhom: “Intom se tmutu fid-dnub tagħkom” (Ġw 8:21). Id-dnub tagħhom x’kien? Din l-ebusija tal-qalb li ma jistgħux jifhmu kif mastrudaxxa minn Nazzaret ikun l-Iben ta’ Alla l-ħaj. Nifhmu li ma kinitx ħaġa faċli għalihom jirrealizzaw li Alla jaħdem b’dan il-mod kważi skandaluż imma Ġesù jinsisti magħhom li għad għandhom ċans jifhmu r-risposta tal-mistoqsija li għamlu huma stess: “Inti min int?” (Ġw 8:25). Nistgħu ngħidu li l-Evanġelju hu propju risposta għal din id-domanda dwar min hu Ġesù.
Ħin minnhom ipoġġi din id-domanda wkoll lid-dixxipli tiegħu: Min jgħidu n-nies li jien? Imma intom min tgħidu li jien? Min jien għalik?
Ta’ min nistaqsuha lilna nfusna din id-domanda, aħna u nippreparaw f’din il-ġimgħa, il-ħames ġimgħa tar-Randan, imbagħad il-ġimgħa d-dieħla noqorbu lejn il-misteru kbir tal-Għid. Ġesù min hu għalija? Statwa tal-kartapesta? Kurċifiss li noħroġ għall-Ġimgħa l-Kbira fid-dar, fil-gallerija? Dawk affarijiet kollha sbieħ imma kif qalilna l-Papa hemm bżonn iwassluna għal-laqgħa ma’ Ġesù ħaj u veru.
Ġesù min hu għalija? Statwa tal-kartapesta? Kurċifiss li noħroġ għall-Ġimgħa l-Kbira fid-dar? Dawk affarijiet kollha sbieħ imma kif qalilna l-Papa hemm bżonn iwassluna għal-laqgħa ma’ Ġesù ħaj u veru.
Il-Mulej jitkellem ukoll fuq dan il-misteru kbir ta’ kif aħna se nagħrfu min hu. “Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-Bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu” (Ġw 8:26). Aħna niskopru min hu Ġesù meta nħarsu lejh imsallab merfugħ ’l fuq. Dak li għalina kien att ta’ vjolenza, kattiverja, kundanna, assassinju, f’idejn il-Mulej isir għodda li permezz ta’ dik l-umiljazzjoni jeżalta lill-Iben tiegħu u jurih lid-dinja.
U aħna m’għandniex għalfejn nitfixklu b’dan id-diskors. In-nota li tikkonludi l-Evanġelju tal-lum tgħid: “Meta tkellem hekk, kienu ħafna dawk li emmnu fih” (Ġw 8:30). Aħna ħafna drabi naħsbu li biex nattiraw in-nies lil Ġesù rridu nagħmlu qisu Evanġelju mimli ħlewwa u zokkor. M’għandi xejn kontra dawk li jaħdmu fil-ħelu, imma l-ħajja mhix hekk biss; il-ħajja hi s-salib ukoll, il-ħajja tbatija, il-ħajja hi għotja u l-Evanġelju jitfa dawl fuq il-ħajja kollha tal-bniedem.
Meta aħna ma nibżgħux nitkellmu u naħsbu u naqsmu t-triq tas-salib għalina nfusna, bejnietna, għal xulxin, allura wieħed iħossu iżjed qrib Ġesù għax l-Evanġelju hu dawl fid-dlam, hu melħ fejn m’hemmx togħma fil-ħajja u fis-salib hemm ukoll il-fejqan tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Num 21:4-9
Salm: 101 (102):2-3,16-18,19-21
L-Evanġelju: Ġw 8:21-30