L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan is-sinjal li jagħti l-Evanġelju ta’ San Ġwann jinkludi wkoll djalogu bħalma rajna l-Ħadd li għadda fid-djalogu li kien hemm bejn Ġesù u r-raġel li twieled għama, il-ġenituri ta’ dan l-għama, Ġesù u l-Fariżej. U fid-djalogu tal-lum hemm xi siltiet li nixtieq noffrihom bħala riflessjoni fil-pellegrinaġġ tagħna ta’ dan ir-Randan.

L-ewwel nett il-kelma, il-mistoqsija ta’ Ġesù. L-aħwa, din il-mistoqsija Ġesù jagħmilha lili u jagħmilha lilek: “Trid tfiq?” (Ġw 5:6). Donnu qed jgħidlu ’l dan ir-raġel: Imma inti verament tixtieq tfiq? Ilek dawn is-snin kollha tistenna li xi ħadd ifejqek, imma inti trid tfiq? U din il-mistoqsija Ġesù jagħmilielna quddiem il-vizzji tagħna, quddiem l-egoiżmu tagħna, quddiem ir-rabja tagħna u r-regħba tagħna. Aħna rridu nfiqu, jew ir-Randan jiġi u jmur, imbagħad jibda l-Għid u nkompli s-sena qisu ma ġara xejn? Irridu nfiqu? L-ewwel mistoqsija li hemm bżonn nagħmlu lill-qalb tagħna.

Imbagħad il-kmand li Ġesù jagħti lil dan ir-raġel li hu jfejjaq: “Qum, aqbad friexek u imxi” (Ġw 5:8). Kemm huma tliet verbi sbieħ! Ta’ min napprezzawhom f’din il-mixja tar-Randan. “Qum, aqbad friexek u imxi”. Issa l-friex għal dan ir-raġel kien is-sinjal tas-salib tiegħu, kien il-friex tal-mard tiegħu. U tixbah ħafna din l-eżortazzjoni, din l-istedina ta’ Ġesù għal dak li jgħid: “Min irid jimxi warajja, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt 16:24). 

U interessanti ħafna li meta jistaqsuh il-Lhud: “Imma inti għalfejn qiegħed iġġorr il-friex tiegħek nhar ta’ Sibt? Mhux suppost tagħmel affarijiet li jirrikjedu ċertu sforz”  (ara Ġw 5:10); għal hekk kienet l-oġġezzjoni tal-Lhud. Jgħid: “Isma, imma jien min fejjaqni, qalli: ‘Aqbad friexek u imxi’ u jien qed nobdih. Dan fejjaqni, ma nobdihx?” (ara Ġw 5:11). 

U din hija xi ħaġa li hemm bżonn nagħrfu, ħutna. Aħna Ġesù jfejjaqna kontinwament mid-dnubiet tagħna u ma jagħmilx limiti. Ma joqgħodx jgħid: ‘Isma’, jien fejjaqtek ta, se terġa’ tiġi għandi? Mhux wiċċek tost?’ Le! Bla limiti, joffri l-fejqan kontinwament. Il-mistoqsija li għamlilna: “Trid tfiq?” U mhux kwistjoni li nwaħħlu f’ħaddieħor: għax ħadd ma għeni, ħadd ma nbuttani. Imma int trid tfiq? Mur għand it-tabib li kapaċi jfejqek u jrid ifejqek. Obdih, obdi l-kelma tiegħu. Qum, tibqax depressed, propju depressed mhux biss psikoloġikament l-aħwa, imma anke spiritwalment fil-ħama tad-dnub. Meta taqa’, tibżax, erġa’ qum. 

Irridu ngħidu li meta aħna l-Maltin, forsi mingħajr ma nirrealizzaw, ngħidu ‘il-ħajja nżul u tlajja’’ hija wkoll il-ħajja spiritwali, ninżlu mid-dnub u nerġgħu l-Mulej jerfagħna kull darba. Il-ħajja nżul u tlajja’, inżul u rfigħ. Għax il-Mulej, din il-kelma li jagħtik: “Qum, aqbad friexek, imxi, imxi tibżax. Jekk terġa’ tinżel, togħdos, newwel idejk bħalma għamel ma’ Pietru: “Tibżax”.

Kemm hi kelma sabiħa, kemm hi aħbar sabiħa din li jagħtina Ġesù llum. Imma aħna rridu nfiqu?

✠ Charles Jude Scicluna
    Archbishop of Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Eżek 47:1-9,12
Salm: 45 (46):2-3,5-6,8-9
L-Evanġelju: Ġw 5:1-3a,5-16