• Nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna żar l-istudenti, l-għalliema u l-istaff tal-Iskola Nazzjonali tal-Isports, f’Pembroke. L-Arċisqof kellu l-opportunita’ jitkellem mal-istudenti, jiskopri d-dixxiplini differenti tal-isports mħaddma f’din l-iskola, u ċċelebra Quddiesa fil-kumpless sportiv. 

     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • L-Iskola Nazzjonali tal-Isports, Pembroke
    5 ta’ Dicembru 2016

    L-ewwel nett grazzi ħafna ta’ din l-opportunità li nkun magħkom, nirringrazzja ħafna wkoll lill-Head, lill-Assistant Heads, lill-istaff, anke lil Fr Reuben u Fr Paul. M’ilux kont qed nagħmel xi ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof u ltqajt ma’ xi wħud magħkom għax inħobb ngħidilhom lil min inkun qed nagħmel il-Grizma: “Inti fejn tmur skola?”  u diversi, iltqajt ma’ uħud minnkom li għamlu l-Griżma, qaluli: “aħna mmorru l-Skola Nazzjonali tal-Isports. Hawn uħud li ltaqjt magħhom waqt li għamiltilhom il-Griżma tal-Isqof. Qed nieħu pjaċir nerġa’ niltaqa’ magħkom.

    Il-miraklu li għamel Ġesù llum, fl-Evanġelju (Lq 5, 17-26) huwa fejn ikun hemm żgħażugħ naqra ikbar minnkom, immaġinaw li dan kien qed jagħmel l-isports u kellu inċident ikraħ u baqa’ paralizzat. Ġieli smajtu b’xi sportiv li ġralu hekk? Nieħdu per eżempju Schumacher li kien itellaq fil-Formula Uno. Dak ma ġralux li ġralu waqt li qed itellaq, imma kien qed jiskijja, ħabat nagħsu ma’ blata u qiegħed bil-mod il-mod jiġi lura imma ma naħsibx li jkun jista’ jsuq fil-futur. Kultant nafu li l-isports iwassalna anke f’periklu kbir. Smajtu b’dak l-isportiv tal-muturi li miet m’ilux? Mhux ‘il bogħod minn hawn. Ikkonċentra biss fuq l-ispeed tal-mutur tiegħu, Alla jaħfirlu, imma m’għadux magħna.

    Ġesù ma jgħidx: “jien ma jimpurtanix”. Ħa nfakkarkom kif dak ir-raġel li kien parallizzat, ġralu xi ħaġa, ġie għand Ġesù u kienu ħbiebu li wassluh għand Ġesù għax xtaqu li seħibhom ikun jista’ jkun magħom, li jfiq. Ara kemm hi ħaġa sabiħa meta aħna ngħinu lil xulxin fit-tajjeb. Aħna nistgħu nfixklu lil xulxin għall-ħażin.

    Xi ħadd jgħidlek: “hemm shortcut biex ikollok il-muscles?  L-iSteroids, jgħallmukom fuq l-isteroids? Jgħidulek: “jekk tieħu l-isteroids inti l-muscle mass tiegħek mal-ewwel titqawwa, imma tkun qed taħraq il-fwied, issir agressiv, ma tibqax bniedem, issir qisek annimal, skużawni, u minflok ma ssib xi ħadd qed jgħinek, issib xi ħadd ifixklek.

    Ħafna drabi jkun hemm anke d-doping, jgħidulu performance enhancement inti tiġri iżjed, tilgħab aħjar, imma ssir skjav ta’ dik id-droga. Imbagħad jagħmlulek random test u ssib ruħek fuq il-headlines for the wrong reasons. Ara xi ħadd, imqar il-coach tiegħek, xi ħadd, mhux qed jgħinek, għax il-coach tiegħek jista’ jkun qed jara dawn, dawn x’inhuma dawn? Ħa nirbħu! Mela inti żiemel tat-tiġrija? Lanqas lil dawk m’għandek tagħmel hekk. Biex iġġiblu l-flus, ħa jieħu l-commission. Dak mhux qed jgħinek, qed ifixklek. Imma min jgħinek hu dak li jgħidlek: “isma’ fl-isports m’hemmx shortcuts”. Jiġifieri trid tagħmel it-training u tieħu pjaċir tara nies kapaċi għax ittrenjaw. Issa t-training ifisser dixxiplina, le? It-training ukoll jgħinek tkun onest. Tgħidli: “kif?” Għax inti, meta tkun iddixiplinat tkun tista’ tieqaf għall-ħażin.

    Ħa ninsew id-drogi, hawn min jgħid li fil-futbol, f’Malta għandna kastig kbir: dik li l-players jinxtraw. Jgħidlek: “jien għandi bżonn nirbaħ din il-logħba bi tlieta minn fuq, ara x’se tagħmel”. Jekk se tkun bniedem ta’ karattru, lil min jgħidlek €1000 – ikun bi rħis iħalsek, għax hu fl-imħatra jieħu tens of thousands – imma lilek jgħidlek €1000: “għandi bżonn auto goal”. Nitkellmu fuq il-futbol, imma jista’ jkun anke sport ieħor. Inti x’se tgħid? “U jien qed nibni d-dar, għandi bżonn nixtri TV screen minn dawk il-ġodda”. “X’nagħmel? Nagħmel partita reċtar imbagħad taparsi bl-auto-goal inqatta’ xagħri għax inkun għamiltu, u ħadt l-€1000”.  Mhux sports dak. Dak huwa teatrin, reċta.

    Dawk il-ħbieb ta’ dak li kien paralizzat, ġabuh ħdejn Ġesù, għenuh jiltaqa’ ma’ Ġesù u għamlulu ġid kbir. Jiena dan li nitlob fuqkom u għalikom: li intom issibu nies anke ’l quddiem, coaches, trainers, anke l-istaff ta’ din l-iskola, li jgħinukom tkunu rġiel u nisa ta’ karattru, li aħna l-isports nieħdu pjaċir propju biex inkunu tajbin aħna, u nferrħu anke lil ħaddieħor. L-isports jgħaqqad in-nies, l-isports juri lill-umanità fejn nistgħu naslu.

    Intom għamiltu l-Bambin hawnhekk għax ġej il-Milied, il-birthday ta’ Ġesù. Mela tinsewx meta tikbru biex il-Milied ikun sabiħ, irid ikun fih lil Ġesù. Jekk jiena fil-Milied ikun hemm biss whisky, droga, u l-bqija – il-lista tafuha – imma m’hemmx Ġesù, allura Christmas vojt, mhux se tkun ferħan. Tgħidli: “imma jiena niddejjaq inqerr għax għandi ħafna dnubiet”. Min m’għandux dnubiet? Jiena nixtieqkom li meta tikbru u waqt li qegħdin tikbru, ma tiddejqux tgħidulu lil Ġesù: “jiena fittixt il-pjaċir tiegħi nnifsi biss”. Il-Mulej jgħinek, jagħdrek, jifhmek u jgħinek. Jew: “jiena tkellimt ħażin fuq sieħbi” għax kultant, ħa ngħidilkom, meta tikbru tifhmuni, kultant bejn l-isportivi jkun hemm naqra għira: “għax dak rebaħ u jiena le, dak ġie l-ewwel u jiena le, dak għandu l-midalja u jiena le”. U aħna, jekk nintilfu fl-għira, ma jkollniex paċi. Jiena ħadt sehem, dak irid ikun l-ideal tiegħi, jiena ħadt sehem I gave my best. Se nagħmlu hekk? Shall we give our best? 

    Nixtieq ngħidilkom ukoll kemm togħġobni l-uniformi tagħkom. Cool għax huma complimentary colours, l-oranġjo u l-blu, kif tafu, u verament uniformi cool. Din uniformi sabiħa imma jiena rrid li l-qalb tagħkom tkun sabiħa wkoll, u dik naqra iżjed diffiċli, imma bl-għajnuna tal-Mulej naslu. Tinsewx lil dak iż-żgħażugħ Ġesù fejqu allura seta’ jilgħab ma sħabu, maż-żgħażagħ l-oħrajn, imma ħafirlu dnubietu wkoll. Naddfu minn ġewwa wkoll, għamlu sabiħ. L-uniformi tiegħek inti tagħtieha lil mama jew lil xi ħadd id-dar biex jaħsielha, imma l-qalb tiegħek kif se taħsilha l-qalb tiegħek? Bil-qrar, billi l-Ġesù tgħidlu: “aħfirli” u tmur għand Fr Paul u jagħtik penitenza żgħira, hux veru Fr Paul? Tagħtiehilniex kbira, imma żgħira biex jurik li l-imħabba ta’ Ġesù hija ħafna ikbar mill-iżbalji li xi kultant nagħmlu. Nawguralkom bil-qalb Milied sabiħ u li jkollna sportivi champions, tajjeb? Kunu mberkin.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Photos: Curia Communications Office