X’inhu dak li tassew għandu valur f’ħajjitna? Din hi l-mistoqsija li jistedinna nagħmlu Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. Jippreżentalna sensiela ta’ parabboli qosra, iżda mimlijin għerf, dwar is-Saltna tas-Smewwiet. Jitkellem dwar teżor moħbi, dwar ġawhra prezzjuża, dwar xibka li tiġbor il-ħut, u fl-aħħar dwar il-kittieb għaref li joħroġ mit-teżor tiegħu ħwejjeġ ġodda u qodma.
Minkejja l-qosor tagħhom, dawn il-parabboli jqegħdulna quddiemna mistoqsija waħda fundamentali: x’inhu dak li tassew għandu valur f’ħajjitna? Ġesù jistedinna nirriflettu fuq il-prijoritajiet ta’ qalbna, u nagħrfu li s-Saltna ta’ Alla tiswa aktar minn kull ħaġa oħra li aħna nistgħu nippossjedu.
It-teżor moħbi
L-ewwel, it-“teżor moħbi” (Mt 13:44). Raġel isib b’kumbinazzjoni teżor moħbi f’għalqa. Jekk immorru lura għal żmien Ġesù, nifhmu aktar dan. Kultant, li kien jiġri hu li meta l-pajjiż ikun okkupat, ikun hemm min jaħbi t-teżor taħt l-art bi skop li aktar tard jerġa’ jsibu. Imma ġieli kien jiġri li jgħaddu ħafna snin, u t-teżor jibqa’ hemm moħbi, u jsibu xi ħadd imbagħad, b’kumbinazzjoni.

F’din il-parabbola, x’jagħmel dak li jsib it-teżor hekk kif isibu? Ġesù jgħid: kollu ferħan, imur ibigħ kulma għandu biex jixtri dik l-għalqa li fiha hemm it-teżor. Nixtieq li ninnutaw il-frażi “kollu ferħan” (Mt 13:44). Dak li jmexxih huwa l-ferħ. Qed jgħid Ġesù: Is-Saltna ta’ Alla mhijiex piż li rridu nġorru fuq spallejna, imma teżor li rridu niskopru, u li jġibilna ħafna ferħ.
Il-fidi mhijiex sempliċement ġabra ta’ regoli, iżda relazzjoni ħajja ma’ Ġesù li tbiddel il-ħajja tagħna b’mod sabiħ. Meta persuna tassew tiltaqa’ ma’ Ġesù, is-sagrifiċċji ma jibqgħux jidhru bħala telfa, iżda jsiru risposta naturali għal dak li tkun sabet.
Il-ferħ veru ma jiġix mill-ġid li nistgħu nakkumulaw, mill-prestiġju jew mil-lussu, imma jiġi minn Ġesù, it-teżor li jiswa aktar minn kull ħaġa oħra.
Il-ġawhra ta’ valur kbir
B’differenza mill-ewwel raġel li sab it-teżor bla ma kien qed ifittxu, in-negozjant kien ilu “jfittex ġawhar fin” (Mt 13:45). Meta fl-aħħar sab ġawhra ta’ valur straordinarju, b’qalb ħielsa biegħ kulma kellu biex jakkwistaha.

Ġesù qed jispjega: xi wħud jiskopru lil Alla b’mod mhux mistenni; oħrajn iqattgħu snin ifittxuh permezz tal-istudju, tal-esperjenzi tal-ħajja, tar-relazzjonijiet, jew tat-tfittxija għall-verità. Iżda kemm f’każ kif ukoll fl-ieħor, il-konklużjoni hija l-istess: meta wieħed isib lil Alla, kull ħaġa oħra tieħu post sekondarju.
Il-prezz tad-dixxipulat
Dan l-Evanġelju jfakkarna li Ġesù għandu jkun il-veru teżor u l-vera ġawhra tagħna. Huwa għandu jkun iċ-ċentru tal-ħsibijiet tagħna, tal-għażliet tagħna, u tal-mod kif ngħixu kull jum tal-ħajja tagħna. Jekk iħarsu lejn dawn iż-żewġ irġiel, l-Evanġelju jgħid li jbigħu kulma għandhom. Ġesù qed jenfasizza hawn li ma hemm xejn li tista’ b’xi mod tipparagunah ma’ li jkollok lilu f’ħajtek. Hawn mhux qed jitlob lil kulħadd jitlaq il-ġid materjali kollu tiegħu, iżda qed jitlob qalb magħquda għal kollox miegħu.
Xi drabi dak li rridu nħallu warajna jista’ jkun il-kilba għall-flus, għall-ġid materjali; imma jistgħu jkunu wkoll affarijiet oħra: dak li jfixkilna milli nqiegħdu lil Ġesù fl-ewwel post – ngħidu aħna, il-kburija, il-mibegħda jew ir-rabja li nżommu fina, l-egoiżmu, rabtiet li jbegħduna minn Alla, jew l-illużjoni li aħna nistgħu nsalvaw lilna nfusna mingħajru.

Li nkunu dixxipli ta’ Ġesù jitlob minna li nċedu xi ħaġa, mhux biex jibqa’ l-vojt, imma biex Alla jkun jista’ jimliena b’dak li hu ħafna aħjar u b’dak li jibqa’ għal dejjem.
Ix-xibka
Imbagħad Ġesù jibdel ix-xbieha. Jgħid li s-Saltna tas-Smewwiet hija bħal xibka li tintefa’ fil-baħar u tiġbor kull xorta ta’ ħut. Fl-aħħar issir l-għażla: il-ħut tajjeb jinġabar fil-kannestri, filwaqt li dak li jkun ħażin, jintrema (ara Mt 13:48).
Il-messaġġ hu dan: Alla jistieden lil kulħadd. Ix-xibka tiġbor lil kulħadd mingħajr distinzjoni. Madankollu Ġesù jfakkarna li l-għażliet tagħna għandhom konsegwenzi. Jasal il-jum meta l-verità kollha tidher quddiem Alla. Ifakkarna wkoll li huwa hu li jagħmel il-ġudizzju. F’idejh, mhux f’idejna.
Dan mhux messaġġ ta’ biża’, iżda stedina ċara biex ngħixu b’fedeltà l-ħajja tagħna llum. Il-ħniena ta’ Alla tibqa’ dejjem miftuħa għal min jindem, iżda Alla jirrispetta wkoll il-libertà li tana. Kuljum, bl-għażliet tagħna, bil-mod kif ngħixu, inkunu qed insawru l-persuna li għad inkunu quddiemu.
Il-ġdid u l-qadim
Fl-aħħar Ġesù jitkellem dwar il-kittieb li jkun tgħallem dwar is-Saltna tas-Smewwiet u li joħroġ mit-teżor tiegħu “sew il-ġdid kif ukoll il-qadim” (Mt 13:52).

Il-Knisja tagħmel proprju dan tul iż-żminijiet. Tgħożż l-għerf dejjiemi tat-tagħlim ta’ Ġesù, tal-Iskrittura, tat-Tradizzjoni, u fl-istess ħin issib dejjem modi ġodda biex twassal l-istess Verità eterna lill-ġenerazzjonijiet ta’ kull żmien. Aħna wkoll imsejħin ngħożżu dak li hu dejjiemi, napprezzaw l-għerf ta’ dawk li ġew qabilna, u fl-istess ħin, inħallu lill-Ispirtu s-Santu jġedded il-fidi tagħna permezz ta’ modi ġodda kif nistgħu ngħixu bil-ferħ il-fidi tagħna llum, u kif din il-fidi twassalna tassew biex naħdmu għall-promozzjoni tal-iżvilupp integrali tal-bniedem skont il-ħtiġijiet ta’ żmienna.
Ġesù Kristu
Dan l-Evanġelju jistedinna nġeddu l-prijoritajiet ta’ ħajjitna. Ġesù għandu jkun it-teżor moħbi li nsibu bil-ferħ, il-ġawhra prezzjuża li għaliha jiswa kull sagrifiċċju. Il-fidi tagħna għandha tkun imqanqla mill-ferħ tal-laqgħa miegħu u mhux minn sens ta’ piż. Fl-istess ħin, aħna msejħin ngħinu wkoll lill-oħrajn jiskopru dan it-teżor li jbiddel il-ħajja tagħhom.
Fil-qalba ta’ dawn il-parabboli ma hemmx biss is-Saltna, iżda hemm fuq kollox is-Sultan tagħha: Ġesù Kristu, dak li għalih kull sagrifiċċju jsib it-tifsira tiegħu. Meta tassew nagħrfuh, dak li nħallu warajna ma jibqax jidher bħala telfa, iżda bħala qligħ, għax inkunu sibna lil dak li jibqa’ għal dejjem.
Nitolbu lill-Mulej jagħtina l-għerf biex nagħrfu dan it-teżor, din il-ġawhra; il-kuraġġ biex nagħżluh fuq kollox; u l-ferħ li jiġi minn ħajja li ngħixuha fis-Saltna tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju




