L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Li kieku dan il-miraklu Ġesù għamlu llum, bil-mezzi ta’ komunikazzjoni li għandna, kien ikun wieħed mill-iktar li jissemma ma’ kulħadd u kullimkien – kif jista’ jkun li b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet titma’ ħamest elef ruħ? Kien jiġri, bħalma kultant ġara fi żmien Ġesù, li ħafna jieqfu fuq dak li jistagħġbu bih – miraklu, xi ħaġa kbira – imma mbagħad jitilfu dak li hu l-iktar importanti u essenzjali. Dan kien il-periklu wkoll fi żmien Ġesù; għalhekk rajna fl-aħħar ta’ dan ir-rakkont li n-nies riedu jeħduh biex jagħmluh sultan għax raw il-miraklu, u Ġesù warrab fil-kwiet u fis-skiet biex ma joqgħodx qalb dawn in-nies.

Dan hu miraklu li kien jissemma ħafna fi żmien Ġesù; fil-fatt jissemma fl-erba’ Evanġelji. Nixtieq li naħsbu fuq tliet punti ta’ dan il-miraklu, li għandhom x’jgħidulna ħafna aktar milli sempliċiment li Ġesù għamel xi ħaġa li ma nistgħux nifhmuha u tal-istagħġib.

Alla jimpurtah

Dar-rakkont juri li Ġesù ried iwassal il-messaġġ li Alla jimpurtah min-nies. Mhux biss li jgħallimhom, għax għandhom bżonn it-tagħlim, imma wkoll li jara kif se jieklu, għax għandhom bżonn l-ikel. Alla jimpurtah mill-ħtiġijiet kollha tal-bniedem. Dan hu li Ġesù ried juri meta ħa inizjattiva u staqsa kif se jagħmlu biex ikun hemm ikel għal dawk in-nies kollha. Dan hu messaġġ importanti: Alla jagħti kas, Alla jimpurtah mill-ġid sħiħ tal-bniedem, kemm li aħna nitgħallmu u nikbru fit-tagħlim, għax għandna bżonn ħafna li niffurmaw ruħna fil-ħajja tagħna, imma kull ħtieġa fil-ħajja tagħna, inkluż il-ħtieġa tal-ikel u tal-mistrieħ. Alla jixtieq l-akbar ġid tagħna.

Alla jrid il-ftit li tista’ toffri

Fir-rakkont, naraw lil Ġesù jieħu l-ftit ta’ dak it-tfajjel. Japprezza l-ftit tiegħu. Jekk noqogħdu naħsbu ftit, Ġesù ma kellux għalfejn jieħu l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, xorta ma kinux iservuh għal ħamest elef ruħ. Imma Ġesù ħa l-ftit li seta’ joffri dak it-tfajjel, għax hu japprezza l-ftit li tista’ tagħmel, basta toffrih lilu. Minnu jieħu ħsieb hu li joħloq xi ħaġa sabiħa. Dan hu messaġġ importanti għal ħajjitna: Alla jrid il-ftit li nistgħu nagħmlu, l-isforz li kultant jidher żgħir qalb tant ħtiġijiet. Kultant jgħaddilna minn moħħna: Jien x’nista’ nagħmel? Forsi dak li nista’ nagħmel jien qisu qatra f’oċean! Jistgħu jgħidu din il-ħaġa omm u missier fil-familja, jew tgħidha fix-xogħol jekk tipprova tagħmlu tajjeb, tista’ tgħid hekk meta tkun tgħallem u tara tant influwenzi fuq it-tfal u fuq iż-żgħażagħ. Tgħid: jien x’nista’ nagħmel? Il-messaġġ hu li Alla jrid il-ftit li tista’ tagħmel, basta toffrih lilu, u minnu jagħmel xi ħaġa sabiħa hu.

Alla joħloq ħafna mill-ftit

Alla hu ġeneruż. Meta Ġesù jieħu l-ftit ta’ dak it-tfajjel, minnu joħloq mhux biss ikel biżżejjed għal ħamest elef ruħ imma jibqa’ żżejjed. Għalhekk jgħidilhom biex jiġbru l-fdal biex ma jinħeliex u ġabruh fi tnax-il qoffa. Alla hekk hu magħna: ġeneruż, mhux bil-kejl. Mhux kemm jieklu u daqshekk. Il-ftit tagħna Alla jibdlu f’xi ħaġa sabiħa għal ħafna, b’mod li qatt ma nistgħu nimmaġinawh. Kultant, anke kelma żgħira ta’ ġid li tista’ tgħid, minnha Alla jista’ jagħmel xi ħaġa kbira ma’ ħafna – imma jkun hu bil-qawwa tiegħu, għax hu ġeneruż u jagħti ħafna aktar milli aħna nimmaġinaw, mhux biss dak li għandna bżonn imma ħafna aktar.

Alla jrid il-ftit li nistgħu nagħmlu, l-isforz li kultant jidher żgħir qalb tant ħtiġijiet

Ir-rabta mal-Ewkaristija

Għalhekk dan il-miraklu għandu ħafna x’jgħidilna għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nixtieq ukoll li niftakru ftit f’xi ħaġa importanti li juri speċjalment San Ġwann. Meta hemm id-deskrizzjoni tal-miraklu, San Ġwann jgħid li Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr u qassmu lin-nies. Hu l-istess kliem li hemm fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, l-istess kliem li ngħidu wkoll fil-quddiesa. Għax l-Ewkaristija hi wkoll miraklu kbir mhux tal-kwantità imma tal-kwalità. Aħna noffru lill-Mulej ħobż u nbid, frott tal-art u xogħol il-bniedem, u minnu joħloq dak li qatt ma nistgħu nimmaġinaw – il-preżenza reali tiegħu stess. Għalhekk San Ġwann juri li fl-Ewkaristija niċċelebraw dan: aħna niġu quddiem il-Mulej, aħna kif aħna, noffrulu lilna nfusna bl-isforzi tagħna; noffrulu l-ħobż u l-inbid u minnhom hu jagħmel il-preżenza tiegħu, il-ġisem u d-demm tiegħu li jingħataw lilna biex ikunu ta’ sostenn għall-ħajja tagħna.

Illum nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ din il-kelma tiegħu. Nitolbuh li aħna dejjem napprezzaw dak li hu jagħmel magħna; nagħrfu li hu jimpurtah minna, mill-ħtiġijiet kollha tagħna; hu jilqa’ dak il-ftit li nistgħu noffru u minnu jagħmel xi ħaġa sabiħa għal ħafna għax Alla hu dejjem ġeneruż. Alla jagħtina dak kollu li neħtieġu imma ħafna aktar ukoll – dak kollu li hu ta’ ġid għalina.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju