• Il‑Ħadd 15 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u Refuġjati, fil-Knisja tal-Vitorja, il-Belt Valletta.

     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Knisja tal-Vitorja, il-Belt Valletta
    15 ta’ Jannar 2017

    L-ewwel ħsieb li nixtieq naqsam magħkom u mat-telespettaturi ta’ TVM2, huwa ħsieb ispirat minn dak li jgħid Ġwanni l-Battista, Ġwanni l-Għammied, meta jara lil Ġesù riesaq lejh, jitħallat mal-midinbin li qed ifittxu l-Magħmudija tal-indiema. Hu jgħid: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29). Ma jarax fil-Mulej il-midneb li għandu bżonn l-indiema, imma jara lil Bin il-bniedem li ġie biex ineħħi d-dnub tad-dinja. Hu jsejjaħlu ‘il-ħaruf ta Alla’.

    L-istudjużi jgħudilna li bl-Aramajk, il-lingwa li kien jitkellem Ġesù, il-kelma ‘ħaruf’ tista’ tfisser ukoll ‘qaddej’ u tista’ tfisser ‘iben’. Ġwanni juża’ kelma u jifhem tliet kelmiet li joqgħodu t-tlieta li huma għal Ġesù. Isejjaħlu l-‘ħaruf ta’ Alla’, dak li se jagħti ħajtu b’fidwa u b’sagrifiċċju ta’ tpattija, ta’ indiema, u ta’ rikonċiljazzjoni.

    Isejjaħlu ‘qaddej’. Il-Mulej huwa l-qaddej ta’ Alla, dak li lejliet il-passjoni tiegħu, awl il-lejl qabel ġie ttradut, neża’ l-mantar, tħażżem b’fardal, b’xugaman, u ħasel riġlejn id-dixxipli tiegħu u qalilna: “dak li għamilt jien agħmluh wieħed lill-ieħor” (ara Ġw 13, 14).

    Huwa l-Iben ta’ Alla. Tant hu hekk li smajnieha lejn l-aħħar tal-Evanġelju tal-lum, San Ġwann l-Għammied, il-Battista, jikkonferma din ix-xhieda tiegħu: “rajtu b’għajnejja u għalhekk xhedt: ‘dan hu l-Iben ta’ Alla’” (Ġw 1, 34).

    Meta l-Iben t’Alla, il-qaddej ta’ Alla, il-ħaruf ta’ Alla, Ġesù, huwa mibgħut biex ineħħi d-dnub tad-dinja. X’inhi l-missjoni tiegħu? Id-dnub tad-dinja huwa l-qalb iebsa tal-bniedem li, bħala kriterju, il-bniedem iħares biss lejn l-interessi tiegħu. B’hekk qalbu ssir qalb tal-ġebel, ma tibqax qalb tal-laħam. Aħna bil-lingwa sabiħa tagħna, meta rridu nitkellmu dwar persuna, ngħidu: “dak qalbu tajba”. Għalina l-qalb, bħal kull f’lingwa Semitika, tfisser dak li jkun, kif inhu, min hu. U Ġesù anke meta ried jitkellem dwaru, qal: “jien ta’ qalb ħelwa u umli” u qalilna wkoll: “tgħallmu minni”. Jekk irridu nifhmu l-missjoni ta’ Ġesù, rridu nifhmuha li huwa ġie biex il-qalb tagħna dejjem issir tixbah lill-qalb tiegħu.

    Ġwanni jixhed li Ġesù huwa l-Kristu, il-midluk mill-Ispirtu s-Santu. “Fuq min tara l-Ispirtu jinżel u joqgħod, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu (Ġw 1, 33) Dik kienet il-profezija ta’ Ġwanni: “U Ġwanni jixhed: ‘jiena rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema u joqgħod fuqu’ għax il-profeżija li jien kont irċevejt seħħet fuq dan ir-raġel, Ġesù ta’ Nazaret” (ara v. 32)  u għalhekk jissejjaħ Kristu. F’dan l-Evanġelju għandna diversi titli ta’ Ġesù: il-ħaruf ta’ Alla, l-Iben ta’ Alla, il-qaddej ta Alla, imma wkoll Kristu. Kristu jfisser il-midluk, il-Messija, dak li l-poplu ta’ Alla kien qiegħed jistenna.  

    X’inhi d-dilka bl-Ispirtu s-Santu? Aħna u nsiru ħaġa waħda ma’ Ġesù fil-Magħmudija, ikollna l-Ispirtu tiegħu: spirtu ta’ ħniena, spirtu ta’ mogħdrija, spirtu ta’ għaqal, spirtu ta’ fehma, spirtu tal-parir it-tajjeb, spirtu tal-biża’ tal-Mulej li mhux it-twerwir minn Alla, imma lil Alla tadurah u tistmah ta’ Alla li hu. Fuq kollox aħna llum irridu nitolbu li l-Ispirtu tal-Mulej ibiddel dak kollu li hemm fil-qalb tagħna li huwa iebes, aħrax għall-proxxmu tagħna, u jagħmel li l-qlub tagħna jkunu qlub ta’ ħniena, ta’ mogħdrija, ta’ akkoljenza għall-proxxmu.

    Aħna u niftakru fir-refuġjati ta’ żmienna, m’għandna ninsew qatt li Ġesù midd l-ewwel passi tiegħu bħala refuġjat fl-Eġittu minħabba l-persekuzzjoni li għamel Erodi kontra dawk kollha li twieldu f’Betlehem minn sentejn ‘l isfel. Gużeppi, f’ħolma kien imwissi biex jaqbad it-tifel u ’l ommu u jmur fl-Eġittu biex jipproteġi lil omm u lit-tarbija. Ġesù għamel l-ewwel ftit snin ta’ ħajtu propju refuġjat fl-Eġittu. Kif jista’ jkun li aħna li nħobbu tassew lill-Mulej, ma jkollnix atteġġjament ta’ rispett, ta’ ħniena, ta’ akkoljenza lejn ħutna li kellhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba ċirkustanzi ta’ kefrija kbira, ta’ persekuzzjoni, ta’ gwerra u ta’ ġuħ?

    Nitolbu wkoll, skont l-intenzjoni tal-Papa Franġisku ghal dan il-jum speċjali, il-Jum tar-Refuġjati 2017.  Il-Papa llum jixtieqna niftakru f’dawk ir-refuġjati li huma tfal u żgħażagħ, fir-refuġjati minuri. Ħafna drabi, minħabba li l-ġenituri, jew ikunu mietu fil-vjaġġ jew għax ikunu ntbagħtu weħidhom, ma jkollhomx min jieħu ħsiebhom.

    Jiena nixtieq nirringrazzja lill-President tar-Repubblika, l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, u anke lill-awtoritajiet tagħna ta’ dak kollu li jagħmlu biex dawn ħutna li jaslu għandna u fostna, ikollhom dak kollu li jeħtieġu u dak kollu li jixraq lid-dinjità tagħhom bħala  persuni.

    Illum nixtieq niftakru wkoll fil-vittmi ċkejknin ta’ dawn il-vjaġġi ta’ kefrija. Ma ninsew qatt dawk ix-xeni ta’ qsim il-qalb ta’ tfal ċkejknin imgħarrqin fuq ix-xtut tal-Mediterran. Il-karba tagħhom ma nisimgħuhiex iżjed għax m’għadhomx magħna, imma t-tifkira tagħhom tixprunana biex nagħmlu li nistgħu biex inkomplu nkunu soċjetà li tilqa’ lill-proxxmu tagħna.

    Aħna qegħdin f’mument importanti tal-istorja tagħna. Il-Gvern Malti għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u fost il-prioritajiet li għażel il-Gvern ta’ Malta hemm il-fenomenu tal-migrazzjoni. Aħna nitolbu għall-politiċi tagħna li għandhom l-arti tas-servizz għall-ġid komuni, espressjoni kbira ta’ mħabba għall-proxxmu biex iħaddmu l-għerf, il-kapaċità tagħhom biex fl-Ewropa jkollna ambjent iżjed ġust, iżjed akkoljenti, iżjed uman.

    Jiena nirringrazzja lil dawk kollha li fl-oqsma kollha jagħmlu ħilithom biex ħutna r-refuġjati jsibu min jilqagħhom. Nitlob biex l-Ispirtu tal-Mulej iseddaqq lilna, jagħmel li qalbna tixbah lil tiegħu biex meta nħarsu lejh, “il-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja”, aħna nagħrfuh u hu jagħrafna.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta