Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel nett nixtieq insellem lil kull wieħed u waħda minnkom b’mod speċjali lilek Eċċ. President tar-Repubblika, lill-Onorevoli Ministri, grazzi ħafna tal-preżenza ġentili tagħkom. Imma tislima kbira ħafna tmur lill-istaff kollu tal-Caritas. Grazzi ħafna lilek, Anthony, tal-kliem tiegħek ċar ħafna li hemm bżonn naħsbu ħafna fuqu. Imma grazzi anke lilek Dun Charles Cordina, li naf kemm hi għal qalbek il-missjoni li twassal il-qalb tal-Knisja f’tant ambjenti li aħna qaddejja tagħhom. Tislima partikolari lil Mons. Victor Grech.
Illum fil-Knisja kollha qegħdin nagħmlu festa għażiża, festa kbira: il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Xi tfisser meta ngħidu ‘qalb ta’ Ġesù’? Fil-Bibbja l-qalb hija l-personalità u tiġbor dak kollu li hu bniedem. Il-lingwa Maltija tagħna wrietna din l-idea: ‘għandu qalbu tajba’, ‘għandu qalbu tad-deheb’, ‘għandu qalbu f’idu’ jew inkella jekk m’inix ferħan ngħid ‘għandi qalbi sewda’. U anke nużawha b’mod negattiv ukoll: ‘qalbu iebsa’ biex ma ngħidux il-kuluri kollha wkoll. Fil-lingwa tagħna nitkellmu l-istess lingwaġġ li kien jitkellem Ġesù f’Nazaret u kiber ma’ Marija u Ġużeppi meta jitkellmu l-Aramajk. Il-lingwa tagħna hija qrib ħafna, u l-mentalità wkoll.
Nixtiqkom li nidħlu f’dan il-misteru kbir li hija l-Qalb ta’ Ġesù. L-ewwel nett qalb ta’ bniedem. Għalkemm huwa l-Iben ta’ Alla, Ġesù kellu qalb tal-bniedem u meta fisser min hu, qal: “Jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Imma l-ħlewwa mhijiex id-dijabete, u l-President Vella kieku jaf jispjegalna sew id-differenza. Imma li tkun ta’ ‘qalb ħelwa’ hija wkoll il-kapaċità ta’ maħfra kbira u ta’ kompassjoni kbira.
Waħda milll-affarijiet li tolqotni meta nisma’ l-esperjenzi tar-residenti hawnhekk hija kemm jitkellmu mill-qalb u kemm japprezzaw il-fatt li din il-mixja għallmithom mod ġdid kif jaħsbu u jħobbu. Il-qalb ħelwa hija qalb li taf timxi ma’ dak li jkun fid-diffikultajiet li jkollu, li ma tiġġudikax, ma twaddabx ġebel imma tagħti l-id tal-ħbiberija, tal-mogħdrija u tal-akkumpanjament.
Ġesù jgħid ukoll li hu ta’ qalb ħelwa u umli (Mt 11:29). L-umiltà hija l-verità. Jekk aħna nerġgħu naqraw il-filosofija ta’ dan il-programm ta’ rijabilitazzjoni u ta’ dak li qegħdin niċċelebraw illejla, hemm ħafna umiltà fl-għarfien tagħna nfusna, il-kapaċità li nikkonfrontaw lilna nfusna mar-realtà tagħna. Jiena verament kif jien? X’irrid minn ħajti? Kif nista’ nkun aħjar? Dan kollu jirrekjedi ħafna umiltà. F’din il-festa għażiża tal-Qalb ta’ Ġesù nixtieq nissuġġerilkom propju l-istil tiegħu ta’ ħlewwa u umiltà.
L-aħħar kelma tiegħi llejla hi dwar meta aħna nagħmlu festa tal-Qalb ta’ Ġesù niftakru f’qalb minfuda li minnha ħareġ demm u ilma mill-kustat, imma wkoll qalb miftuħa għalina, il-qalb tal-ħniena u tal-imħabba. Jalla din l-esperjenza tkun ukoll l-esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minna għal xulxin u mill-qalb.
Nirringrazzja ’l Caritas Malta ta’ din ix-xita konkreta ta’ mħabba għax hawnhekk il-Qalb ta’ Ġesù hija mħabba ta’ vera. Wara kollox, il-kelma ‘caritas’ tfisser ukoll ‘imħabba ta’ vera’. Nixtieq nirringrazzja wkoll lir-residenti tal-fiduċja u nagħmlilhom ħafna kuraġġ. Tislima partikolari lill-ġenituri tagħkom, lil qrabatkom u lil dawk li jħobbukom tassew.
Il-barka tal-Mulej tkun fuqna lkoll.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta