L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù” (Ġw 6:24). Dan l-Evanġelju jurina lin-nies ifittxu lil Ġesù. U meta tara dan minn barra, tgħid: kemm hi ħaġa sabiħa li n-nies ifittxu li jkunu fejn Ġesù; u ma jikkuntentawx ruħhom għax jgħidu “fittixna u ma sibniehx”, imma komplew ifittxu sakemm isibuh.
Imma Ġesù kien qed jara ħaġa oħra. Ma kienx qed jara biss dak li jidher minn barra – li n-nies qed ifittxuh – imma kien qed jara l-intenzjoni: għalfejn qed ifittxuh? U Ġesù mal-ewwel jgħidilhom: “Intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu” (Ġw 6:26). Ġesù qed jgħidilhom: intom qed tfittxuni mhux għax tridu lili, imma għax tridu dak li nista’ nagħtikom. Jiġifieri: qed tfittxu dak li tistgħu tieħdu mingħandi, mhux lili. U Ġesù jgħin lin-nies biex jippurifikaw l-intenzjoni tagħhom. Għalhekk hemm dan id-djalogu magħhom, għax hu jrid jurihom li għandhom ifittxu lilu – dak li verament jista’ jimla l-qalb tagħhom – mhux sempliċiment dak li jista’ jipprovdilhom.
Issa tajjeb ngħidu li meta Ġesù qed jgħid hawnhekk “tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:27), mhux qed jgħid li mhuwiex importanti li dawn jirsistu għall-ikel u għall-affarijiet materjali. Tant hu hekk li kien Ġesù stess li meta kien hemm il-folla kbira ta’ nies, ra kif jagħmel biex in-nies jieklu, għax kien hemm il-bżonn li jieklu. Imma qed jgħidilhom: araw li mhux tfittxu biss dak li jista’ jissodisfakom, dawk l-affarijiet li aħna nsejħulhom materjali, imma fittxu dak li hu l-iktar importanti fil-ħajja.
Aħna nifhmu mal-ewwel lil dawn in-nies, għax aħna kultant jista’ jiġrilna l-istess, anke fil-ħajja tagħna ta’ fidi – li nfittxu lil Ġesù għal dak li għandna bżonn, li jista’ jagħtina. Ħu, per eżempju, it-talb tagħna: li meta għandna bżonn, jew meta għaddejjin minn sitwazzjoni diffiċli, infittxuh, imma l-bqija nibqgħu għaddejjin. Li jrid Ġesù hu li aħna miegħu jkollna tassew din ir-relazzjoni sabiħa ta’ mħabba, u li nfittxuh għalih innifsu, qabel ma nfittxu dak li jista’ jagħtina. Aħna nafu li hu jagħtina ħafna li huwa ta’ ġid – imma l-ewwel għandna nfittxuh għalih innifsu, għax Ġesù hu l-Mulej, hu s-Salvatur tagħna. Għalhekk, anke fit-talb. Kemm ikun isbaħ it-talb li kieku aħna fit-talb nirringrazzjaw lil Alla, infaħħruh, imbagħad inressqu wkoll il-bżonnijiet tagħna; imma mhux il-kontra – li t-talb ifisser biss li mmorru u ngħidulu l-lista ta’ dak li għandna bżonn.
Hawnhekk, dak li għamel Ġesù man-nies jagħmlu wkoll magħna. Jippurifikalna l-intenzjonijiet tagħna, u jgħinna biex fil-ħajja nfittxu dak li jiġi l-ewwel u nagħtu prijorità lil dak li verament għandu jiġi l-ewwel. Innutaw x’qed juri Ġesù lil dawn in-nies. Ftit iktar tard se jitkellem fuq li hu l-“ħobż tal-ħajja” (Ġw 6:35). Jiġifieri: hu mhux biss dak li jipprovdi l-ħobż, imma hu l-ħobż tal-ħajja, hu dak li jista’ jimla l-qalb, u qed jgħinhom lin-nies biex jirrealizzaw dan. Għalhekk mhux sempliċiment ifittxu dak l-ikel li jgħaddi. Meta jgħidilhom “tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem”, huma qalulu: “x’għandna nagħmlu?” (Ġw 6:28). Huma ħasbu li se jagħtihom lista ta’ x’iridu jagħmlu, mentri Ġesù mhux lista tahom, imma qalilhom: Emmnu f’dak li huwa bagħat (ara Ġw 6:29). Għax meta aħna nemmnu tassew f’Ġesù u nagħrfuh tassew bħala dak li hu – il-Mulej, is-Salvatur tagħna – imbagħad nersqu lejh bl-imħabba, għax nirċievu wkoll l-imħabba u l-paċi li jagħtina hu, u jkollna din ir-relazzjoni miegħu fejn nistgħu nressqu l-bżonnijiet tagħna. Imma nagħrfu li l-iktar importanti hu li naraw dak li hu jrid minna, għax hu dejjem irid jagħtina dak li hu tal-akbar ġid għalina.
Nitolbu lill-Mulej illum li aħna f’ħajjitna nfittxu l-ewwel dak li għandu jiġi l-ewwel. Nitħabtu, nirsistu għal ħafna affarijiet meħtieġa għalina, għall-familji tagħna; imma ma ninsewx dak li jiġi l-ewwel. U dak li jiġi l-ewwel, ħafna drabi, mhux dak li jinxtara bil-flus, mhux dak li narawh u jkollna kultant kilba għalih, imma dak li jiġi l-ewwel u li Ġesù jagħtina fil-qalb tagħna hu dak li verament jimla l-qalb – il-paċi, l-imħabba tiegħu, li aħna nsibu sens fil-ħajja. Nitolbu lill-Mulej: għinna biex inqiegħdu l-ewwel dak li għandu jiġi l-ewwel, u nużaw il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu dak li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta




