L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù jitkellem fuq id-dielja u l-friegħi biex ifisser b’mod qawwi r-rabta tad-dixxipli miegħu, u għalhekk tagħna, aħna li lkoll dixxipli. Qed juri ċar li aħna għandna nkunu f’rabta intima miegħu, u minnu nirċievu l-ħajja, bħalma l-friegħi jirċievu l-ħajja mid-dielja.
Hekk biss jista’ jkollna l-ħajja, u hekk biss ikollna skop bħala dixxipli tiegħu. Fil-fatt, hu jgħid – u din hi l-esperjenza tagħna wkoll bħala dixxipli – li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn. Huwa hu li jagħtina l-ħajja, hu li jagħtina l-imħabba, minnu ġejja l-qawwa biex nistgħu tassew ngħixu l-ħajja tagħna bħala dixxipli tiegħu. Għalhekk hu jsemmi x’jiġrilha l-fergħa jekk tinqata’. Tinxef, ma jkollhiex ħajja. Titlef l-iskop. Il-fergħa għandha biss skop jekk tkun magħquda mad-dielja. Minghajr dan, titlef l-iskop kollu.
Ġesù jgħid ukoll kif magħqudin miegħu nistgħu nagħmlu ħafna frott, bħalma l-friegħi jagħmlu l-frott għax magħqudin mad-dielja. Fil-fatt, il-frott tarah fuq il-friegħi imma mhuwiex il-frott ta’ dik il-fergħa waħedha li qisha tista’ tgħid “dan frott tiegħi”, imma għax magħquda mad-dielja. Hekk, aħna wkoll bħala dixxipli tiegħu nistgħu nagħmlu l-frott, jekk inkunu magħqudin miegħu, jekk nirċievu l-ħajja minnu. Din narawha fil-ħajja ta’ tant nies – ta’ tant qaddisin, u qaddisin li niltaqgħu magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Kemm tassew jagħmlu l-frott, kemm jagħmlu ġid, speċjalment bix-xhieda tal-ħajja tagħhom, proprju għax magħqudin ma’ Ġesù!
Frott ta’ din l-għaqda ma’ Ġesù hu l-unità, l-għaqda. Il-friegħi, għax magħqudin mad-dielja, huma lkoll ħaġa waħda. Aħna nistgħu nkunu ħaġa waħda jekk inkunu magħqudin ma’ Ġesù. Qegħdin f’din il-Ġimgħa, bdejnieha llum, fejn qed nitolbu għall-Għaqda fost l-Insara. Dan għaliex, tul is-snin, kien hemm firdiet – li għadna nbatu l-konsegwenzi tagħhom illum – li ġew proprju għax kien hemm friegħi mhux magħqudin mad-dielja, li hu Ġesù.
It-talba tagħna hi li aħna naħdmu tassew biex ikun hemm din l-għaqda. Fl-istess diskors fejn jitkellem fuq il-friegħi magħqudin mad-dielja, Ġesù jitkellem b’insistenza u jagħmel talba kbira għall-Insara u dawk kollha li jemmnu biex jkunu ħaġa waħda. Din hi t-talba li nagħmlu aħna wkoll illum, aħna u nilqgħu l-kelma tiegħu. Nitolbuh li aħna nkunu magħqudin miegħu b’rabta intima bħall-fergħa mad-dielja. Nitolbuh biex aħna dejjem nemmnu li l-qawwa biex ngħixu l-ħajja Nisranija ġejja minnu. Għandna bżonnu kontinwament, mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn. Nitolbuh ukoll biex inkunu – kif talab hu u kif ried minna – strumenti ta’ għaqda, ta’ unità, ta’ mħabba kull fejn inkunu. Naħdmu biex inkunu strumenti ta’ għaqda wkoll ma’ nies li għandhom twemmin differenti minna, u dejjem nagħmluh dan biex ikollna l-ispirtu ta’ Ġesù li talab mid-dixxipli li jkunu lkoll ħaġa waħda. Speċjalment matul din il-Ġimgħa, ħa tkun din it-talba li nagħmlulu ħerqana, u dejjem f’għaqda sħiħa miegħu għax hu d-dielja u aħna l-friegħi marbutin ma’ din id-dielja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju