L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Waħda miċ-ċirkustanzi fejn Ġesù stess jispjega t-tifsira, il-parabbola tiegħu u jgħidilna wkoll għaliex jitkellem bil-parabboli. Ħin minnhom jitkellem dwar uħud min-nies ta’ żmienu li kellhom, jgħid hu stess, qalbhom iebsa.

L-ewwel talba li nagħmlu llum fid-dawl tal-kelma tiegħu hi li l-Mulej irattab il-qalb tagħna. Irattab il-qalb tagħna għal xulxin u fuq kollox għall-kelma tiegħu li tistedinna nħobbu lil xulxin, nifhmu lil xulxin, u nagħdru lil xulxin. “Il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset,” jgħid, “kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom  u għalqu għajnejhom” (Mt 13:15). Tkun traġedja għalina l-Maltin jekk aħna nsiru poplu b’qalb iebsa li m’għandniex ħniena ma’ xulxin jew ma’ min iżurna, m’għandniex sens ta’ mogħdrija u ta’ maħfra. Dik hi l-qalb iebsa li tweġġa’ lill-Mulej li ħalaqna u lilna wkoll. Tweġġa’ lilna nfusna.

Fil-fatt Ġesù, għalkemm jitkellem fuq it-tixbiha taż-żerriegħa u tal-ħamrija, imma għal darba darbtejn jitkellem dwar il-qalb: “Mela isimgħu intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’” (Mt 13:18) u jispjegalna x’ried jgħid bil-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’, ipoġġi ż-żerriegħa, iż-żerriegħa taqa’ fuq art iebsa jew art mimlija xewk jew art li mhix fonda ħafna u kultant ukoll f’art tajba u jispjega. U għall-ewwel kategorija jgħid li “kull min jisma’ l-kelma tas-saltna u ma jifhimhiex”, dan hu dak li nżera’ mal-mogħdija, jiġifieri f’art imbattma li m’għandekx ċans li ż-żerriegħa tikber fiha u jgħid, “jersaq il-ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu” (Mt 13:19)

Mela l-Mulej, meta jagħtina l-kelma tiegħu: ħobb lil għajrek, aħfer lill-għedewwa tiegħek, imberkin dawk li juru ħniena – dawn huma l-kliem ta’ Ġesù li l-Mulej jiżra’ fil-qalb tagħna. Imma fil-qalb tagħna, il-ħamrija hi l-qalb tagħna u rridu nammettu wkoll li jekk il-qalb tagħna tixrief u tibbies, il-kelma tiegħu mhux se tagħmel frott fina.

Issa l-Mulej jagħtina din il-parabbola wkoll biex jgħallimna nieħdu paċenzja b’xulxin u bina nfusna. Kultant nisma’ l-ġenituri jgħiduli: ‘Imma, Father, jiena lit-tfal tiegħi għallimthom sewwa, ma jridu jafu b’xejn’. Orrajt, inti żrajt żerriegħa, issa trid tistenna li l-ħamrija tal-qalb ta’ wliedek, tan-neputijiet tiegħek, minn xierfa tirtab xi ftit. Il-Mulej se jkompli anke permezz tagħna, l-aħwa, se jkompli jagħti ż-żerriegħa tal-kelma tiegħu b’dak il-parir, dik it-twissija ħelwa, dik iċ-ċanfira mingħajr rabja. Mingħajr rabja, ninsisti, għax inkella flok niżirgħu ż-żerriegħa tajba, niżirgħu l-ħurrieq.

U inti trid tistenna bħalma jaf jistenna l-Mulej. Jgħid: ‘ara jiena nitfa’ ż-żerriegħa tal-kelma tiegħi imma mhux dejjem tikber’. Issa dan il-Mulej l-aħwa, dan is-Sinjur Alla li jgħid ‘il-kelma tiegħi, bħalma smajna  l-profezija ta’ Iżaija fl-ewwel qari: “Ma toħroġx mingħandi u ma tagħmilx frott” (Is 55:11) imma ma qalx meta jew kemm irridu nistennew. Ma naqtgħu qalbna qatt. Bħala komunità aħna rridu nitolbuh: Mulej rattbilna qalbna biex fil-qalb tagħna l-kelma tiegħek tagħmel il-frott imma wkoll ittina sens ta’ realiżmu, sens ta’ paċenzja.

Taf x’nitolbuh ħafna? Li l-qalb iebsa tagħna jrattabilna. Kultant irattabilna biċ-ċirkustanzi tal-ħajja. Mingħalik kollox ikun sejjer ward u żahar u jiġri xi ħaġa u l-ħajja tinbidel mil-lejl għan-nhar. X’se tagħmel? Twebbes qalbek? Jew tgħidlu: ‘Mulej, jiena mhux qed nifhem, imma se nafda fik’.

Anke Pawlu l-Appostlu Missierna, fit-tieni qari, jitkellem dwar proċess li fih it-tbatija. Din is-silta li qrajna llum fit-tieni qari (Rum 8:18-23) hi pjuttost waħda mis-siltiet l-iżjed diffiċli li kiteb San Pawl. Wara kollox San Pietru fuq il-kitba tal-Appostlu Missierna qal li mhux dejjem tista’ tifhimha, jiġifieri m’aħniex weħidna. Imma qed jgħid anke l-ħolqien, anke dak li ħalaq Alla li hu tajjeb, irid jgħaddi minn proċess kultant ta’ tbatija biex jilħaq il-maturità tiegħu.

Intom araw iż-żgħażagħ jikbru – daqqa bil-geddum, daqqa bil-bnazzi, daqqa riħ isfel, daqa riħ fuq, mhux ilkoll għaddejna minn dan l-istaġun tal-ħajja aħna? U jkunu qegħdin jimmaturaw bil-mod il-mod, proċess ta’ tbatija. Wara kollox kull wieħed u waħda minna biex twelidna m’għaddejniex mill-proċess li lill-ommijiet tagħna sewa ħafna flus biex ma ngħidx ħafna tbatija? Il-proċess ta’ bidu ġdid!

U għalhekk nitolbu ħafna wkoll biex qatt ma naqtgħu qalbna. Il-Kelma t’Alla llum hi tixbiha li Ġesù jagħti lin-nies ta’ madwaru bi stedina: tkomplux twebbsu qalbkom, jiena nixtieq li tbiddlu ħajjitkom u jiena nfejjaqkom. Kemm hi sabiħa din l-espressjoni ta’ Ġesù llum imma jilmenta “għandhom għajnejn u ma jarawx, għandhom widnejn u ma jisimgħux” (M 13:14) għax ma jridux, ma jifhmux b’moħħhom u hekk ikunu jistgħu jbiddlu ħajjithom u nfejjaqhom”

Ejjew nitolbu fuq pajjiżna wkoll biex aħna bħala individwi, bħala soċjetà, il-Mulej isib fina poplu li lest li jara, li jisma’, li jifhem biex inbiddlu ħajjitna għall-aħjar u l-Mulej ifejjaqna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55:10-11
Salm: 64 (65):10abċd,10e-11,12-13,14
Qari II: Rum 8:18-23
L-Evanġelju: Mt 13:1-23

Aktar ritratti