L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha” (Lq 2:19). Din is-silta mill-Evanġelju skont San Luqa turina lir-rgħajja li jmorru jaraw lil Ġesù li twieled, wara li kellhom id-dehra mill-anġli li ħabbrulhom li twieled is-Salvatur – “Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2:11). Fl-aħħar ta’ din is-silta hemm din is-sentenza sabiħa: “Marija baqgħet tgħożż f’qalbha l-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”.
Ma kinetx f’sitwazzjoni komda Marija hemmhekk. Kellha twelled lil Ġesù f’maxtura għax “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2:7). Imma f’dawn iċ-ċirkustanzi iebsa għaliha u għall-familja, Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dak li l-Mulej għamel permezz tat-twelid tiegħu – l-Iben ta’ Alla li sar bniedem – u li għamel ukoll ma’ dawn ir-rgħajja, li kienu fost l-ewwel nies li raw lil Ġesù mwieled, ir-rgħajja li ġibidhom lejh sa mill-bidu r-Ragħaj it-Tajjeb li kien għadu kif twieled.
Sittin sena ta’ proġett ta’ mħabba
Marija baqgħet tgħożż f’qalbha dak li Alla għamel fil-ħajja tagħha u fil-ħajja tal-umanità. Hekk kienet qalet fil-Magnificat: “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49) u ta’ dan kienet faħħret il-kobor tal-Mulej. Dan hu s-sentiment li aħna lkoll inħossu llum meta nħarsu lura lejn dawn is-sittin sena ta’ din id-Dar tal-Kleru, anniversarju li qed niċċelebrawh proprju llum, 8 ta’ Mejju. Ngħożżu f’qalbna dak li Alla għamel permezz ta’ din id-Dar, ma’ tant saċerdoti f’din id-Dar, u permezz ta’ tant nies li ħadmu f’din id-Dar.
Ngħożżu f’qalbna għax nafu li hi opra ta’ Alla. Hekk bdiet u hekk kompliet u żviluppat tul is-snin. Kienet l-inizjattiva ta’ Mons. Salv Grima, li għax kien jafda fil-provvidenza ta’ Alla, u għax kien immexxi mill-Ispirtu tiegħu, ħoloq dan il-proġett li snin wara stajna naraw kemm kien u kemm hu ta’ ġid tassew għall-Knisja f’Malta u għas-soċjetà Maltija. Sittin sena ilu, mhux kulħadd seta’ jifhem il-valur kbir ta’ din id-Dar, imma llum ilkoll napprezzaw dan. Tassew, il-Mulej għamel ħwejjeġ kbar!
Lill-Qaddejja taċ-Ċenaklu, li b’tant imħabba ddedikaw u jiddedikaw ruħhom għas-saċerdoti, Mons. Grima ġabarhom u ffurmahom f’din l-imħabba ta’ Marija li naraw fl-Evanġelju: li jgħożżu f’qalbhom dak li Alla jagħmel f’din id-dar u juru din l-għożża u l-imħabba mas-saċerdoti bis-servizz tagħhom magħmul b’ġenerożità kbira.
Gratitudni u apprezzament
Illum dan hu s-sentiment li aħna nħossu: ngħożżu f’qalbna dak li Alla għamel f’din id-Dar. Li għamel sittin sena ilu, u tul is-snin permezz ta’ tant nies: tad-diretturi li mexxew din id-dar, tal-Qaddejja taċ-Ċenaklu, u dawk kollha li ħadmu hawn u l-benefatturi; u tas-saċerdoti li għexu u li jgħixu f’din id-Dar, li għandhom tant rikkezza mhux biss ta’ esperjenza imma wkoll rikkezza ta’ mħabba tul ħajjithom u li issa huma residenti f’din id-dar.
Is-sentiment tagħna hu: ngħożżu f’qalbna dawn il-ħwejjeġ kollha bi gratitudni kbira lejn Alla u lejn dawk kollha li taw sehemhom f’din id-Dar. Din id-Dar hi tassew ta’ ġid għall-Knisja f’Malta u għas-soċjetà Maltija. Illum nuru dan l-apprezzament u r-ringrazzjament tagħna.
F’qalbna s-saċerdoti li qed ibatu
Nitolbu llum għal kull min hu residenti f’din id-dar u għal kull min jaħdem hawn: il-Qaddejja taċ-Ċenaklu, il-ħaddiema u l-volontarji li jagħtu s-servizz tagħhom hawn. Nitolbu li fis-servizz li jagħtu jkollhom f’qalbhom dejjem din li kellha Marija: din l-għożża f’qalbha. Nitolbu lil Alla b’mod speċjali għal dawk kollha li jiffurmaw din il-familja sabiħa biex ikomplu jgħixu dan l-ispirtu ta’ Marija li jgħożżu f’qalbhom il-ħwejjeġ kollha li Alla għamel u li qed jagħmel illum.
Nitolbu b’mod partikulari għas-saċerdoti kollha li qegħdin hawn residenti u li kultant jgħaddu minn tbatija u minn żmien ta’ prova minħabba l-anzjanità u l-mard. U nitolbu għas-saċerdoti l-oħra li mhumiex hawn imma li għandna wkoll niftakru fihom, speċjalment dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli. Tajjeb li f’din il-familja tas-saċerdoti nuru l-għożża lejn xulxin u qatt ma ninsew lil dawk is-saċerdoti li huma waħedhom jew li jħossuhom waħedhom jew li għaddejjin minn żmien iebes. Nitolbu għalihom ukoll u nżommuhom f’qalbna.
Nitolbu għall-vokazzjonijiet
Il-ħarsa tagħna llum mhijiex biss lura b’ringrazzjament lil Alla imma wkoll ’il quddiem, u aħna u nitfgħu ħarsitna lejn il-futur, nitolbu għall-vokazzjonijiet. Meta tara dan in-numru sabiħ ta’ saċerdoti flimkien, hi ħaġa sabiħa. Flimkien jgħinuk tiftakar f’tant esperjenzi sbieħ u tant ġid fil-ħidma pastorali ta’ dawn is-saċerdoti.
Imma nitolbu u naħdmu wkoll biex dan il-ġid li sar jitkompla b’nies li jkollhom l-istess dedikazzjoni u ġenerożità. Intom tistgħu tagħmlu dan bit-talb tagħkom u billi toffru l-ġranet tagħkom u t-tbatija tagħkom għall-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdoti u għall-ħajja kkonsagrata. Insemmi wkoll b’mod partikulari l-Qaddejja taċ-Ċenaklu u hawn ukoll nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet, ħalli dawk li jirċievu s-sejħa mill-Mulej iwieġbu għaliha bil-qalb.
F’idejn Omm is-saċerdoti
Nafdaw kollox f’idejn Ommna Marija, li llum qed niċċelebraw il-festa tagħha taħt it-titlu tal-Madonna ta’ Pompei. Marija kienet dik li wieġbet għas-sejħa tal-Mulej, għamlet dan mhux darba imma kull jum tal-ħajja tagħha.
Għalina Marija tibqa’ dejjem Omm li tgħinna fil-vokazzjoni tagħna, Omm is-saċerdoti, Omm li takkumpanjana u li tgħallimna kif inwieġbu għas-sejħa li jagħmlilna l-Mulej, kif għamlet hi. Inwieġbu skont kif inhi l-kondizzjoni tagħna llum, u b’qalb kbira noffru ħajjitna lill-Mulej.
Nitolbu llum b’ringrazzjament lil Alla u b’talba biex jgħinna ħalli ngħixu din l-għotja tagħna lilu kuljum bħalma għamlet Ommna Marija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju