• Is‑Sibt 31 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa ta’ Radd il‑Ħajr fi tmiem is‑sena, bil‑kant tat‑Te Deum, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta.

    Click here to see all photos of the Celebration of Mass.  


    The Celebration of Mass on YouTube

     

    Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

  • Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
    31 ta’ Diċembru 2016

    “Intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu t’Alla f’qalbna jgħajjat: ‘Abba, Missier’” (Gal 4, 6). Fit-tmiem ta’ din is-sena 2016, li għall-grazzja t’Alla kienet immarkata bis-Sena tal-Ħniena, u d-dinja f’din is-sena li għaddiet, tassew kellha bżonn il-ħniena. F’dawn l-aħħar sigħat nixtieq noffri riflessjoni ċkejkna fuq l-Ispirtu tal-Mulej li f’qalbna jgħajjat l-għajta tal-ulied, li meta jaħseb fil-Mulej, il-Ħallieq, jgħid u jgħajjat f’qalbna: ‘Abba, daddy, papà, Missier’, “għax ingħatalna iben, tweldilna tifel” (Is 9, 5). Ismu li ngħata tmint ijiem wara t-twelid huwa Yeshua, Ġesù, Alla jsalva. Imma dan Alla li jsalva huwa Abba, huwa Missier u ommu “tiżen dan kollu u tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejna u bejn ruħha” (Lq 2, 19).

    Aħna u nicċelebraw il-maternità ta’ Marija, ejjew niċċelebraw ukoll lil din il-mara li għal disa’ xhur ġarret fil-ġuf tagħha lill-Iben tal-Missier, lil Bar Abba, għax dik l-ironja: li fl-aħħar kellna nagħżlu bejn l-Iben ta’ Abba, Bar Abba, u Barabba l-kriminali u għamilna għażla ħażina aħna l-bnedmin. Imma quddiemna nhar il-Ġimgħa l-Kbira kien hemm żewġ Barabba: Iben Alla li huwa Abba Missierna u Barabba.

    Kienet tgħożż f’qalbha dak kollu li semgħet lir-ragħajja jgħidu u li kienu semgħu mingħand l-anġli: inħabbrulkom ferħ kbir illum tweldilkom salvatur li jġib is-salvazzjoni lill-ġnus kollha” (Lq 2, 10). Dan il-verb qawwi li juża’ l-Evanġelista Luqa: “li tgħożż f’qalbek u tixtarr” dak li qiegħed tgħożż, huwa verb qawwi ħafna; huwa verb ta’ min għandu teżor li jrid ikompli jiskoprih, ikompli jħares lejh bħall-bniedem – Ġesù jgħid meta jikber, “is-saltna t’Alla huwa bħal wieħed li sab teżor” sab ġawrha prezzjożisisima, ibigħ kull ma għandu biex ikollu, u jmur ferħan għax akkwista (ara Mt 13, 45-46). Marija qed tgħożż dak kollu li semgħet, qed tgħożż il-kelma f’qalbha, u aħna f’qalbna ngħożżu din l-għajta tal-Ispirtu “Abba, Missier”.  

    Wieħed jifhem għaliex il-Papa Franġisku f’dawn il-ħamsin jum iddedikati lill-paċi jgħid li l-ikbar gwerra bejn il-vjolenza u l-paċi, il-bniedem jiġġilidha fil-qalb tiegħu. Din is-sena l-Papa Franġisku qiegħed isejħilna, lilna l-Insara u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex nadottaw in-non vjolenza bħala stil ta’ politika ta’ paċi. Hu jgħid: “nitlob lil Alla jgħin lilna lkoll napplikaw din in-non-vjolenza fil-profondità tas-sentimenti u l-valuri personali tagħna. “Ħa jkunu l-karità u n-non-vjolenza li jmexxu l-mod kif nittrattaw lil xulxin fir-relazzjonijiet interpersonali, f’dawk soċjali u f’dawk internazzjonali. Meta jgħarfu jirreżistu t-tentazzjonijiet tal-vendetta, il-vittmi tal-vjolenza jistgħu jkunu l-protagonisti l-iżjed  kreattivi, kredibbli tal-proċessi non-vjolenti li jġibu l-paċi”.

    “Il-vjolenza tibda mill-qalb tal-bniedem. Allura rridu wkoll nsibu l-paċi fil-qalb tal-bniedem”. Ġesù stess għażel din it-triq. “Għex” jgħid il-Papa Franġisku, “fi żminijiet ta’ vjolenza u għallem li l-vera kamp tal-battalja fejn jiġu wiċċ’imb’wiċċ mal-vjolenza u l-paċi, hi qalb il-bniedem “għax hu minn ġewwa, minn qalb il-bniedem  li joħorġu l-ħsibijiet ħżiena”, jgħid Ġesù fl-Evanġelju ta’ San Mark, (Mk 7, 20). Imma l-messaġġ ta’ Kristu quddiem din ir-realtà joffri tweġiba radikalment pożittiva u pprietka bla heda l-imħabba bla qies ta’ Alla li jilqa’ u jaħfer u għallem lid-dixxipli tiegħu kif iħobbu lill-għedewwa tagħhom.

    Il-Papa jgħid hekk: “li nkunu veri dixxipli ta’ Ġesù llum ifisser li nilqgħu ukoll il-proposta tiegħu ta’ non-vjolenza” dik kif afferma l-Papa Benedittu XVI hija realistika għax iżżomm f’moħħha li fid-dinja hawn wisq vjolenza, wisq inġustizzja u għalhekk ma nistgħux negħelbu din is-sitwazzjoni jekk mhux billi npattu għaliha b’iżjed imħabba, iżjed tjieba. “U dan l-iżjed” jgħid il-Papa Benedittu, “ġej minn Alla”.  Il-Papa Emeritu jkompli: “in-non-vjolenza għall-Insara mhux sempliċi tattika, imma mod kif tkun il-persuna, l-atteġġjament ta’ min hu hekk konvint mill-imħabba ta’ Alla u mill-qawwa tiegħu, li ma jibżax jeħodha mal-ħażen  sempliċiment bl-armi tal-imħabba u l-verità. L-imħabba tal-għadu hi l-qalba tar-revoluzzjoni Nisranija. Bir-raġun l-Evanġelju ta’ ‘ħobbu lil għedewwa tagħkom’ hu meqjus l-‘Magna Carta’ tan-non-vjolenza Nisranija. Dan ma jikkonsistix f’li nħallu l-ħażen jirbaħna, imma li li nirbħu l-ħażen bit-tajjeb, u hekk inqaċċtu l-katina tal-inġustizzja”.

    Dan il-kliem jgħodd għalina l-Maltin? Jgħodd għas-sitwazzjoni ta’ pajjiżna? Illum nerġa’ nagħmel appell qawwi biex tieqaf il-kampanja ta’ vjolenza verbali, ta’ kliem iebes, ta’ kefrija għal xulxin. Aħna l-Insara, irridu nirrispondu għall-kalunnja, għat-tajn u għall-insulti bin-non-vjolenza. Mhux vjolenza bi vjolenza, kalunnja b’kalunnja, tajn b’tajn. Imma bl-armi tal-imħabba u l-verità. Nagħmel appell lil kull min jgħodd lilu nnifsu bħala Nisrani biex nagħmlu ħilitna li fuq is-social media, il-ġurnali, il-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni, inkluż anke fil-prietki tagħna s-saċerdoti – ħalli nkun tkellimt dwar kull kategorija – li ma nużaw qatt kliem iebes għal xulxin imma li l-kliem tagħna jkun kliem ta’ mħabba u ta’ verità.

    Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija. Il-Papa jikkonkludi l-messaġġ tiegħu għal din il-ġurnata ta’ tmiem u l-bidu tas-sena b’dawn il-kliem: “Marija, is-sultana tal-paċi, fit-twelid ta’ Binha, l-anġli sebħu lil Alla u awguraw is-sliem fid-dinja lill-bnedmin ta’ rieda tajba. Nitolbu lill-Verġni Marija biex turina it-Triq. Kollha nixtiequ l-paċi, tant persuni jibnuha ta’ kuljum b’ġesti ċkejknin. Ħafna qed ibatu u jġarrbu bis-sabar it-taħbit ta’ tant tentattivi biex jibnuha. Matul l-2017 ejjew inħabirku bit-talb u bl-azzjoni biex insiru persuni li keċċew il-vjolenza minn qalbhom, minn kliemhom, u mill-ġesti tagħhom u biex nibnu komunitajiet non vjolenti li jieħdu ħsieb ta’ din id-dar komuni. Xejn mhu impossibbli jekk induru lejn Alla fit-talb. Kollha nistgħu nkunu bennejja tal-paċi”.

    Dan li jiena nawgura lilkom li qegħdin tisimgħuni, anke permezz tal-midja soċjali, lill-pajjiżna, lill-Ewropa tagħna, aħna u nibdew il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, lid-dinja: li lkoll kemm aħna nibdew minn qalbna nkunu bennejja tal-paċi li f’qalbna ngħożżu dik l-għajta tal-Ispirtu li meta ddur lejn Alla l-Ħallieq tagħna tgħidlu: “Abba, Missier”.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta 

  • Photos/Video: Curia Communications Office