• Is-Sibt 19 ta’ Novembru 2016, waqt it-tieni sessjoni tal-Assemblea Djoċesana 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna spjega l-viżjoni tiegħu għall-Knisja f’Malta b’rabta mat-tema tal-konverżjoni għall-pastorali tal-ħniena. Il-laqgħa saret fil-Katekumenju, il-Mosta. 

    Ispirat mill-kliem u l-kitbiet tal-Papa Franġisku u ta’ San Ġorġ Preca, l-Arċisqof saħaq fuq kemm l-Operaturi Pastorali għandhom ikunu dawk il-persuni li jiffaċilitaw il-grazzja u mhux jikkontrollawha. Fi kliem il-Papa Franġisku, mill-Evangelii Gaudium (prg. 270) l-Arċisqof tenna li għandna nidħlu fl-eżistenza konkreta tal-oħrajn, u b’hekk tingħaraf “kemm hi kbira il-qawwa tal-ħlewwa” fil-ħidma li tagħmel il-Knisja fix-xogħol pastorali.

    L-Arċisqof fakkar minn kliem il-Papa li “l-Knisja mhix dwana”, dik li tikkontrolla x’dieħel u x’mhux, imma hija “d-Dar tal-Missier” li tilqa’ lil kulħadd. 

    L-Arċisqof fakkar li l-istorja tal-Knisja f’Malta hija glorjuża fil-qadi tagħha, imma hija wkoll tqila għax kellha atteġjamenti li ma kinux ta’ tenerezza imma ta’ riġidità. Fil-ħidma pastorali li twettaq il-Knisja, għandha jkollha “qalb ħelwa li taħfer lill-għedewwa”, u f’mumenti ta’ kritika nġusta jrid ikollha risposta mansweta. Dan jitlob ukoll ħafna kontroll u umiltà, qal l-Arċisqof. “Persuna attiva pastoralment qatt m’għandha tiddejjaq li tkun sinjal li jmeruha”.

    “Infittxu l-wiċċ ta’ Ġesù”

    L-Arċisqof saħaq li l-operaturi pastorali jridu jfittxu wiċċ Kristu f’min għandu bżonn l-għajnuna, kemm spiritwali kif ukoll dik materjali. F’dan il-kuntest, l-Arċisqof wera l-apprezzament tiegħu lejn il-ħidmiet tal-Knisja fl-oqsma kollha, fejn tagħti s-sehem tagħha lil kategoriji diversi ta’ nies. L-Arċisqof tenna li l-Knisja trid tiġġedded kontinwament biex turi l-wiċċ ta’ Ġesù lid-dinja. Qal li fix-xhur li ġejjin ser issir ħidma biex tkun iktar preżenti fl-iskejjel. Semma li biex il-Knisja tilħaq liż-żgħażagħ, ma tistax tibqa’ tistenniehom jiġu l-Knisja u għall-quddies, imma trid tmur hi. 

    L-Arċisqof saħaq li dak li jgħid jew iwissi dejjem jgħidu b’imħabba u jemmen li l-imħabba tibqa’, u d-dawl fil-kuxjenza tal-bniedem twassal biex il-messaġġ jasal ukoll. Xi ħaġa li tbeżżgħu hija li jfixkel lil xi ħadd fil-mixja tiegħu. F’dan l-aspett huwa saħaq fuq l-importanza tas-smigħ, mhux biss minn Alla, iżda li wieħed jisma’ wkoll lil ħaddieħor. Huwa qal li wieħed għandu jakkumpanja lil ħaddieħor bi ħniena u empatija fil-mixja tiegħu.

    Click here to see all the photos during the 2016 Diocesan Assembly.

    Follow the speech delivered by the Archbishop on YouTube

    Click here to follow the Archbishop’s Celebrations on YouTube and click on the ‘Subscribe’ button.
     
     
  • Photos/Video: Curia Communications Office