“Il‑ferħ tal‑Knisja hu li tevanġelizza” huwa s‑suġġett li ntagħżel għall‑Aġġornament tal‑Kleru 2022 sabiex is‑saċerdoti djoċesani u reliġjużi jsaħħu l‑mixja flimkien bħala Knisja f’Malta. Dan sar f’rabta mal‑proċess tas‑Sinodu fuq is‑sinodalità li nieda l‑Papa Franġisku sabiex jissaħħaħ is‑sens ta’ komunjoni, parteċipazzjoni u missjoni fil‑Knisja kollha madwar id‑dinja.
Għal dawn it‑tlitt ijiem ta’ aġġornament ġew mistiedna diversi professjonisti li għenu lis‑saċerdoti jirriflettu fuq kif għandna nerġgħu niskopru l‑qalba tal‑fidi tagħna u kif il‑Knisja għandha toħroġ miċ‑ċirku tagħha u ma tibżax taqbad toroq ġodda ta’ kif ixxandar l‑Evanġelju.
Fl‑ewwel jum, il‑biblista Dun Paul Sciberras tkellem dwar meta Ġesù ħasel riġlejn l‑appostli u kif dan il‑mument personali ta’ Ġesù man‑nies tiegħu jispira lis‑saċerdoti jiżviluppaw stil ta’ tmexxija bbażat fuq ir‑relazzjonijiet. Min‑naħa tiegħu, permezz ta’ eżempji u esperjenzi, Dr Mario Thomas Vassallo, lettur fi ħdan id‑Dipartiment tal‑Politika Pubblika fl‑Università ta’ Malta, wera kif it‑teoriji marbuta mal‑‘mexxej qaddej’ jgħinu lis‑saċerdot jinterpreta b’mod ġdid l‑istil ta’ tmexxija ta’ Kristu nnifsu.
Fit‑tieni jum ġie diskuss kif kull persuna u komunità Nisranija tista’ tgħaddi l‑fidi lill‑oħrajn meta tapprezza u tintegra d‑diversi kwalitajiet u esperjenzi li jġibu magħhom persuni u gruppi differenti fil‑Knisja. Dun Peter Ellul tkellem dwar kif Marija ta’ Magdala, Pietru u Ġwanni, mill‑esperjenza differenti tagħhom tal‑qabar vojt, għenu biex il‑komunità Nisranija tasal għall‑fidi fil‑qawmien ta’ Ġesù u biex din tkompli tixtered. Għal dawn il‑jiem ta’ riflessjoni kien mistieden ukoll l‑Isqof Anton Teuma. B’eżempji konkreti spjega kif dan l‑istil sinodali tal‑ewwel dixxipli jisfida lis‑saċerdoti biex jinkludu l‑kontribut ta’ diversi nies u jġeddu l‑istrutturi tal‑Knisja. Dan jassigura li l‑fidi titwassal b’mod frisk u minn kulħadd.
Fl‑aħħar jum, Dun Jimmy Bonnici, rettur tas‑Seminarju tal‑Arċisqof u letter fil‑Fakultà tat‑Teoloġija, enfasizza dwar l‑importanza li l‑komunità Nisranija trid timxi flimkien anke maż‑żmien li tkun fih. Huwa spjega kif il‑komunità Nisranija u s‑saċerdoti jistgħu jaqdu l‑missjoni tagħhom billi jibqgħu qrib tas‑soċjetà u l‑kultura bla ma jdgħajfu l‑qawwa tal‑Evanġelju. L‑Arċisqof Emeritu George Frendo, frott l‑esperjenza tiegħu fl‑Albanija, tkellem dwar għadd ta’ kwalitajiet li jgħinu l‑Knisja tkompli tispira fiduċja hi u twassal il‑messaġġ tagħha.
L‑Arċisqof Charles Jude Scicluna għalaq dan l‑Aġġornament tal‑Kleru b’messaġġ ta’ inkoraġġiment fejn fisser kif il‑ferħ tal‑Vanġelu jinsab fil‑viċinanza, il‑kompassjoni u t‑tenerezza magħna nfusna, ma’ xulxin, u mal‑poplu tal‑Mulej: għażla impenjattiva iżda li tħalli l‑frott.
L‑Aġġornament tal‑Kleru ġie organizzat bejn it‑13 u l‑15 ta’ Ġunju 2022 fis‑Seminarju tal‑Arċisqof.