• **** 

    Direttur:          Matt Reeves

    Atturi/Ilħna:  Andy Serkis, Woody Harrelson, SteveZahn, Amiah Miller, Karin Konoval, Judy Greer, Sara Canning uTerry Notary

    Ħin tal-Film:    140 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd                         

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                       12

    Sentejn wara l-ġrajjiet li seħħu fil-film: Dawn of the Planet of the Apes, li ħareġ għal wiri fis-sena 2014, ġara dak li wieħed ftit stenna li jiġri jew li kienet mixtieqa. Faqqgħet gwerra bejn l-umani u x-xadini. Caesar li kien il-mexxej tax-xadini u kien il-mira tal-militar biex jelliminaw lilu. Caesar kien kapaci li jikkommunika bil-fomm. L-attentat biex joqtluh falla’ iżda ħalla ħafna xadini mejta fosthom it-tifel stess ta’ Caesar. Jekk kien hemm xi tama li jkun hemm xi forma ta’ ftehim u jinstab kompromess kif  l-umani u x-xadini jgħixu fis-sliem din taret mar-riħ.

    Mimli rabja għall-mewt ta’ ibnu, Caesar jibgħat lix-xadini f’post iktar fiż-żgur u hu ħadha bħala missjoni li jmur u jsib lil Kurunell u jivvendika ruħu minnu. Caesar li għamel ħiltu kollha jipprietka toleranza u kellu biċċa xogħol iebsa jipperswadi lil Koba, issa nsibuh f‘qagħda li jpatti b’kull mezz possibbli lil dak li għammilu tant deni. Caesar spiss kien ikollu viżjonijet ta’ ħabibu Koba u waqa’ fit-tentazzjoni li jħarrax qalbu. Għalkemm sħabu għamlu sforz biex jipperswaduh, Caesar kien deċiż u għalkemm għall-ewwel ma ried lil ħadd miegħu, kellu jċedi għall-pressjoni ta’ Rocket, Luca u Maurice u  aċċetthom li jmorru miegħu biex isibu l-Kurunell McCullough. Fit-triq, qalb il-muntanji, jsibu tifla żgħira muta, li ma setgħux jagħmlu mod ieħor ħlief li jeħduha magħhom wara li qatlu lil dak li kien jieħu ħsiebha. Iktar tard jiltaqgħu  ma’ xadina, bl-isem ta’ “Bad Ape” li kienet trabbiet ġewwa s-Siera Safari Zoo u kienet kapaċi li tikkommunika bil-fomm. “Bad Ape” isir parti mill-grupp u ta informazzjoni importanti ta’ fejn kien jinsab il-Kurunell u s-suldati tiegħu.  Meta jaslu u jsibu l-post fejn kien il-Kurunell u l-armata tiegħu, Ceaser u sħabu jkollhom sorpriża qatt mistennija! X’jiġri minn hawn?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza, bi storja tajba u maħdum b’sengħa kbira u li jżommok fuq ix-xwiek għall-mumenti twal. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Matt Reeves, kitba ta’ Mark Bomback u Reeves stess. Minħabba xi xeni ta’ ġlied qawwi iżda mhux imdemma, barra t-tema ta’ vendetta minnaħa ta’ Caesar, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.