• ***

    Direttur:          Edgar Wright

    Atturi:              Ansel Elgort, Kevin Spacey, Lily James, Eiza Gonzàlez, Jon Hamm, Jamie Foxx, Flea u Jon Bernthal

    Ħin tal-Film:    113 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15

    Baby hu ġuvnott li x-xogħol tiegħu jkun sewwieq  ta’ karozza, jistenna kriminali bla kuxjenza, li wara li jkunu wettqu s-serqa, jaħrab bihom b’kemm kellu ħila u kuraġġ biex ma jinqabdux mill-pulizija. Baby dejjem kien jirnexxi f’dawn l-operazzjonijiet perikoluzi anke meta l-pulizija kienu jiġru warajhom. Dan kien jirnexxielu jagħmlu b’ħila kbira mhux biss għax kien jippjana t-toroq għal waqt il-ħarba iżda wkoll għax kien jagħmel użu tajjeb tar-ritmu qawwi ta’ mużika li jkun qiegħed jisma’ b’earphones minn iPod. Il-manuvri li kien jagħmel fis-sewqan kien iħalli l-passiġgieri ħallelin mwaħħlin mas-seat tal-karozza, mwerwrin.

    Baby, liebes dejjem b’nuċċali tax-xemx f’għajnejh u earphones f’widnejh, kien jaħdem għal Doc, bniedem bla skrupli, li x-xogħol tiegħu kien jippjana s-serqiet u wara jqabbad nies biex iwettquhom matul il-jum; wara mbagħad, jaqsam magħhom dak kollu li jkunu serqu. Fost dawn Doc kien iħaddem lil Baby bħala s-sewwieq waqt is serqa. L-uniku ħaġa iżda, Doc lil Baby ma kienx itih l-istess ammont ta’ flus li kien jaqsam indaqs ma’ dawk li kienu wettqu s-serqa. Fost dawk li Doc kien spiss issejjaħ, insibu lil Buddy, Darling, Griff, No-Nose u Bats, briganti professjonali li kienu lesti għal kollox. Baby kien dejjem ikun magħżul biex ikun is-sewwiq tal-gang għalkemm Bats beda juri nuqqas ta’ fiduċja f’Baby u din l-attitudni negattiva bdiet toħloq  firda perikoluza fit-tim. Baby minnaħa tiegħu kien joqgħod kwiet. Kien jgħix ma’ missieru puttativ u l-flus li kien idaħħal kien jaħbihom fl-art. Baby ukoll beda relazzjoni ta’ mħabba ma’  Debora, waitress li għenet biex Baby jibda jieħu l-ħajja iktar bis-serjetà u jibda jiżen bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. X’jiġri meta fl-aħħar biċċa xogħol li Doc jipperswadieh biex jidħol għaliha, mhux kollox imur sew u din ikkompromettit il-futur ta’ ħajtu?

    Film mimli azzjoni, l-aktar f’ġiri sfranat ta’ karozzi fit-toroq li jħalluk bla nifs. Il-film hu taħt id-direzzjoni u kitba ta’ Edgar Wright. Minħabba vjolenza wżata waqt l-atti kriminali bla ebda rispett lejn il-ħajja, kif ukoll kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.