• Matul ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru, bħala parti mill-kampanja ġbir ta’ fondi għall-Istrina 2014, l-Eċċellenza tagħha l-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro Preca u anke r-raġel tagħha s-Sur Edgar Preca, żaru numru kbir ta’ skejjel tal-Knisja f’Malta u f’ Għawdex bil-għan li jħeġġu lit-tfal jipparteċipaw aktar f’din il-kampanja ta’ fejda għal mijiet ta’ familji Maltin li jitolbu l-għajnuna. Fl-istess ħin, din iż-żjara serviet ukoll biex titqajjem kuxjenza akbar fost l-istudenti dwar il-ġid kbir li jsir permezz ta’ din l-inizjattiva.

    Matul dawn iż-żjarat l-Eċċellenza tagħha u żewġha kellhom ċans jiltaqgħu mal-istudenti u l-għalliema, jitkellmu magħhom dwar il-bżonn u l-isfidi li jitaqa magħhom il-Malta Community Chest Fund u l-importanza li nkomplu nnisslu fina dan is-sens ta’ altruwiżmu u ġenerożita’ li tant aħna magħrufin għalih aħna l-Maltin.

    L-Eċċellenza tagħha diġa kienet esprimiet ix-xewqa li żżur l-iskejjel kollha matul il-presidenza tagħha, u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija diġa għaddej bit-tħejjijiet, flimkien mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u l-uffiċċju tal-President, għal dawn iż-żjajjar.