• **

    Direttur: Peter u Bobby Farrelly
    Atturi: Jim Carrey, Jeff Daniels, Rachel Melvin
    Ħin: 110 minuti
    Klassifika tal-Gvern: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18

    Lloyd, wara għoxrin sena fi sptar mentali jippretendi li hu inkapaċitat, biex jidħaq b’sieħbu Harry, iqum hekk kif isir jaf li Harry ma jkunx baqgħalu ħajja twila jekk ma ssirlux trasplant tal-kliewi. Wara ftit iż-żewġt iħbieb isiru jafu li wara li Harry kellu x’jaqsam ma’ Fraida Felcher tnejn u għoxrin sena ilu din kienet ħarġet tqila u kellha tifla; din it-tifla kienet ingħatat għall-adozzjoni u issa jisimha Penny Pinchelow. Minħabba li Penny hija t-tifla ta’ Harry, din kienet l-aħjar persuna li setgħet tagħtih kilwa li taqbel miegħu. Għalhekk, Lloyd u Harry jitilqu, f’karozza tal-mejtin, biex ifittxu lil Penny. Waqt it-tfittxija huma jitħabblu fil-kobba ta’ bejn missierha adottiv, ix-xjenzat mgħaruf Dr Pinchelow, marthu Adele li hija qarrieqa, u Travis, il-brikkun handyman tagħhom; Dr Pinchelow ivvinta strument misterjuż ta’ importanza kbira u jrid li jagħti id-drittijiet tiegħu b’xejn, iżda marthu u Travis għandhom pjanijiet oħra.

    Film komiku, li jkompli fuq il-film ‘Dumb and Dumber’ li ħareġ għoxrin sena ilu, fl-1994. Ikompli bl-istess vena tal-film ta’ qablu għalkemm iċ-ċajtiet idaħħqu xi ftit iżjed meta jitfaċċaw. Il-biċċa l-kbira taċ-ċajt huma ta’ natura sesswali u baxx. Fil-fatt, il-film fih ħafna ċajt goff u sesswali u ħafna kliem baxx u ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.