Kappillan ġdid għall-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun
L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Franco Fenech bħala kappillan tal‑parroċċa tal‑Immakulata Kunċizzjoni fil‑Ħamrun.
Dun Franco twieled fis‑27 ta’ Lulju 1966 f’Tal‑Pietà u rċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola statali tal‑Marsa, is‑sekondarja fil‑Liċeo tal‑Ħamrun, u l‑postsekondarja fil‑Kulleġġ De La Salle fil‑Birgu. Fi Frar 1986 daħal mal‑Patrijiet Franġiskani Kapuċċini u rċieva l‑formazzjoni reliġjuża f’Pesaro l‑Italja. Dun Franco għamel l‑istudji tiegħu fis‑Seminarju ta’ Fano, li hu affiljat mal‑Università tal‑Lateran f’Ruma. Huwa għamel il‑professjoni reliġjuża fis‑7 ta’ Jannar 1993 u ġie ordnat djaknu xahrejn wara.
Dun Franco ġie ordnat saċerdot fit‑8 ta’ Lulju 1994. Wara l‑ordinazzjoni kompla l‑istudji tiegħu fl‑Università Gregorjana f’Ruma, l‑Italja. Huwa beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala animatur vokazzjonali fi ħdan l‑Ordni Franġiskan, kien direttur tal‑postulanti u tal‑postnovizzi, mexxa dar tat‑talb fil‑Wardija, serva wkoll bħala viċi kappillan tal‑parroċċa ta’ Lourdes f’San Ġwann, u kien membru tal‑komunità parrokkjali ta’ Marija Regina fil‑Marsa.
Bejn l‑2002 u l‑2015, Dun Franco kien il‑kappillan tal‑Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u huwa wkoll il‑fundatur tal‑Fondazzjoni RISe, li toffri programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni għall‑priġunieri. Fl‑2015 beda jaħdem pastoralment fl‑Isptar Mater Dei u fl‑2018 beda jservi fil‑parroċċa Sant’Andrija f’Ħal Luqa.
Il‑parroċċa tal‑Immakulata Kunċizzjoni fil‑Ħamrun tiġbor fiha madwar 4,560 persuna.
Kappillan ġdid għall-parroċċa ta’ San Ġwann
L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Patri Bertrand Vella tal‑Aħwa Minuri Kapuċċini bħala kappillan tal‑parroċċa tal‑Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann.
Patri Bertrand twieled fl‑14 ta’ Ottubru 1977 u trabba Ħal Tarxien. Huwa gradwat bħala għalliem tar‑Reliġjon mill‑Università ta’ Malta. Wara li fl‑2006 daħal mal‑Ordni tal‑Aħwa Minuri Kapuċċini, huwa studja l‑Filosofija fl‑Istituto Teologico di Assisi fl‑Italja u t‑Teologija fl‑Università ta’ Malta. Studja wkoll il‑Kura Pastorali mal‑Morda fl‑Istituto Internazionale di Teologia Pastorale Sanitaria ‘Camillianum’ f’Ruma fl‑Italja.
Huwa ġie ordnat saċerdot fit‑3 ta’ Lulju 2015 u matul dawn l‑aħħar sitt snin kien kappillan fl‑Isptar Mater Dei. F’Mejju li għadda ġie magħżul bħala wieħed mill‑kunsilliera tal‑Ministru Provinċjal tal-Aħwa Minuri Kapuċċini.
Il‑parroċċa tal‑Madonna ta’ Lourdes f’San Ġwann tiġbor fiha madwar 13,000 persuna.
Direttur ġdid għad-Dar tal-Kleru
L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Anton Portelli bħala direttur tad‑Dar tal‑Kleru fi Fleur‑de‑Lys, waqt li rringrazzja lil Dun Anton Cassar li serva bħala direttur tad‑Dar u li se jkompli jagħti s‑servizz tiegħu fl‑Arċidjoċesi.
Dun Anton Portelli twieled fis‑6 ta’ Mejju 1947. Huwa rċieva l‑edukazzjoni primarja fl‑iskola ta’ St Joseph, il‑Belt Valletta, u l‑edukazzjoni sekondarja u postsekondarja fis‑Seminarju, il‑Furjana. Kompla l‑istudji terzjarji ta’ Baċellerat fl‑Arti, u Liċenzjat fil‑Filosofija u t‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Kiseb ukoll Masters fl‑Iżvilupp tar‑Riżorsi Umani.
Dun Anton ġie ordnat saċerdot fid‑19 ta’ Marzu 1972. Beda l‑ħidma pastorali tiegħu bħala viċi kappillan fil‑parroċċa ta’ San Gejtanu fil‑Ħamrun. Fl‑1981 inħatar kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Kirkop u fl‑1986 bħala kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħ’Attard. Fl‑1993 inħatar bħala Delegat għall‑Ħajja u Ħidma fil‑Parroċċi u fl‑1994 rettur taż‑żona pastorali ta’ Pembroke u mbagħad kappillan tal‑istess parroċċa. Fl‑2006 ingħata l‑inkarigu ta’ Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Fl‑2015 inħatar bħala arċipriet tal‑parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas‑Sliema fejn baqa’ jservi sal-lum.
Fid‑Dar tal‑Kleru bħalissa jgħixu 39 saċerdot anzjan kemm djoċesani kif ukoll reliġjużi.