L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Jiena ngħolli għalihom sinjal, u nibgħat […] lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija, u qatt ma raw is-sebħ tiegħi, u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus” (Iż 66:19).

Qed niltaqgħu hawnhekk fil-Qawra, fejn din il-Kelma ta’ Isaija seħħet qrib is-sena 60 W.K., meta raġel imbiegħed mill-art tiegħu li għadda minn għarqa flimkien ma’ 275 sieħeb (ara Atti 27:37), ġie nawfragat fuq dawn l-inħawi. Dan il-bniedem kien mibgħut “lejn xtut imbiegħda li qatt ma semgħu” bil-Mulej u qatt ma raw is-sebħ tiegħu.

Il-periklu li nieqfu fl-esterjuri

Din il-profezija seħħet proprju hawnhekk. Illum, aħna l-Maltin u l-Għawdxin li kellna l-grazzja ngħixu din il-profezija, irridu nagħmlu l-kontijiet mar-responsabbiltà tagħna.

Aħna, b’wiċċna minn quddiem, nistgħu ngħidu lill-Mulej: “Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna” (Lq 13:26). Nistgħu niftaħru bil-festi sbieħ u bl-espressjonijiet esterni tal-fidi tagħna. Iżda llum il-Mulej jfakkarna li dan, li hu tajjeb, mhux biżżejjed.

Jeħtieġ xi ħaġa essenzjali biex nidħlu fil-ħajja tal-Mulej, dik li tibda minn issa u tibqa’ għal dejjem. Inkella, hemm il-periklu li jgħidilna: “Ma nafx mnejn intom” (Lq 13:27). Nistgħu ninfexxew fl-affarijiet ta’ barra li jgħaddu — sbieħ kemm huma sbieħ — imma l-ħajja tagħna ma tkunx ħajja sewwa. “Intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!” (Lq 13:27). “Ma nafx minn fejn ġejjin.” Donnu Ġesù qed jgħidilna, “M’għadnix nagħrafkom. Jiena ħlaqtkom għas-sewwa, għall-imħabba, għall-għotja ta’ qalbkom skont il-vokazzjoni tagħkom. Mhux qed nagħarfek! Ma nafx minn fejn inti!”

Il-bieb id-dejjaq

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Imma x’ jiġri biex il-bniedem iħassar qalbu u l-Mulej ma jibqax jagħraf ix-xbieha tiegħu fina? Il-Mulej, waqt li jwissina li din hija possibbiltà, jagħtina wkoll il-mediċina. “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq” (Lq 13:24).

Il-bieb id-dejjaq hu dak kollu li fil-ħajja jiswielna sforz u sagrifiċċju. Min iħobb tassew jifhem din il-Kelma, għax l-imħabba vera tfisser tinsa lilek innifsek u tagħti ruħek.

M’ilux smajt kumment fuq xi ħadd li qal: “Taf x’ inhi r-riċetta biex tgħix kuntent fiż-żwieġ? Li l-mara ma tmeriha qatt”. U abbli jekk titkellem il-mara, tgħidlek l-istess: “Tmerihx, imbagħad agħmel li hemm bżonn, isma’ minni, u ngħixu fil-kwiet”. Imma f’dan l-għerf hemm ukoll ħafna sagrifiċċju għax trid titgħallem iċċedi. Meta mbagħad jiġu l-ulied, f’ċerti ċirkustanzi jikkmandaw huma, għax l-ewwel huma u jekk jibqa’ inti.

Dan hu l-bieb id-dejjaq tal-imħabba.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

M’ilux kelli l-opportunità mmur Londra biex inżur il-morda Maltin u Għawdxin li jieħdu ħsiebhom is-sorijiet tagħna u l-voluntiera ta’ Puttinu Cares, bl-appoġġ tal-istat u tal-High Commissioner.

Hemmhekk rajt sitwazzjonijiet diffiċli ta’ nies li qed jagħtu ħajjithom b’ħafna paċenzja u kura għall-maħbubin tagħhom. Dik ukoll hi ħajja mill-bieb id-dejjaq – l-imħabba li sservi u toqgħod sal-aħħar.

Hemm it-tentazzjoni li ngħidu: “Jiena rrid ngħix ħajja komda, irrid nagħmel li rrid”. Imma mbagħad, meta tieqaf quddiem xi ħadd li tħobbu u jkollu bżonn l-għajnuna tiegħek, “il-bieb id-dejjaq” tgħaddi minnu mhux għax ma tridx, imma għax verament trid.

U allura Ġesù qed jgħidilna: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq, li huwa dak kollu li fil-ħajja jiswiek ħafna, hu x’inhu. Imma għaddu minnu b’qalb ħielsa u bla dwejjaq.”

Il-bieb hu dejjaq, imma għandek tgħaddi minnu mingħajr dwejjaq. Tgħidli: “Imma jiena, kif se ngħallimhom lil uliedi dan l-għerf tal-ħajja?” Għax minn hawn u ftit ieħor jikbru, se jiddeċiedu l-istat tagħhom fil-ħajja, jiltaqgħu ma’ persuna li jħobbu jew li tħobbhom, u jridu jitgħallmu li fil-ħajja trid iċċedi wkoll, għax mhux dejjem tista’ tgħaddi tiegħek.

Id-dixxiplina bħala lingwaġġ ta’ mħabba

Ippermettuli suġġeriment li jiġi mill-qalb u mill-Kelma t’Alla: smajtuhom iż-żgħażagħ tagħna jaqraw il-Kelma t’Alla llum? Kemm hi ħaġa sabiħa li naraw iż-żgħażagħ jaqraw il-Kelma ta’ Alla fil-ġemgħa. It-Tieni Qari jitkellem dwar id-dixxiplina. Din il-kelma forsi m’għadhiex moda llum! Mhijiex moda! La fid-dar, la fl-iskola, u ppermettuli ngħidilkom lanqas fil-pajjiż.

Imma għandna bżonn id-dixxiplina: li kelma li tagħti żżommha, li tirrispetta lil ħaddieħor, li tkun fil-ħin, u li ma tagħmilx kollox skont kif ifettillek jew għall-kumdità tiegħek. Kultant anki fis-sewqan. Meta ma nsegwux id-dixxiplina jkollna l-konsegwenzi – xi kultant konsegwenzi koroh ħafna.

Din il-Kelma mill-Ittra lill-Lhud hija kelma għażiża li għandna bżonnha: “Ibni, la twarrabx it-twiddib tal-Mulej u la taqtax qalbek meta jċanfrek; għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb, u jolqot lil kull min jilqa’ bħala ibnu” (Lhud 12:5-6).

Lill-ġenituri li qed irabbu, għandkom bżonn tisimgħu din il-Kelma. It-tifel jew it-tifla hekk kif jikbru għandhom bżonn id-dixxiplina. Id-dixxiplina mhijiex kastig, imma lingwaġġ ta’ mħabba. Mhux dik id-dixxiplina kiefra jew umiljanti, imma d-dixxiplina li toħroġ mill-qalb ta’ missier u omm li jħarsu ’l quddiem u jħarsu ’l bogħod.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Jiddispjaċini ħafna meta nisma’ — mhux ta’ spiss, imma tiġri — li meta għalliem jikkoreġi tifel jew tifla fl-iskola, minflok il-ġenituri jappoġġjawh u jisimgħu minnu, imorru l-iskola biex jieħdu sodisfazzjon u jumiljaw lill-għalliem għax ikkoreġa lit-tifel jew tifla. Din hija riċetta għad-diżastru fis-socjetà.

Fil-pajjiż għandna liġijiet tajbin, imma għandna l-infurzar? Pereżempju, għandna liġi li ma tistax tarmi skart fil-baħar, imma meta aħna f’dawn l-inħawi ma nkunux nistgħu ngħumu minħabba l-ħmieġ ta’ min għandu l-flus biex inaddfu jew jipprevjeni, se nagħmlu, min qed jinfurzaha?

Il-liġi tajjeb tkun hemm, imma hemm bżonn l-infurzar. Huwa tajjeb li jkun hemm infurzar fit-traffiku, imma hemm ħafna oqsma oħra fejn għandna bżonn aktar dixxiplina!

Imma ejja ma nħarsux biss fil-bogħod jew fit-tul: id-dixxiplina tibda mill-familja tagħna stess, mill-bejta tal-imħabba. L-imħabba mhijiex fsied. Min ifissed lil uliedu, uliedu jbikkuh, isimgħu minni! Din mhijiex biss esperjenza personali tiegħi, imma wkoll il-Kelma ta’ Alla.

Illum nifhmu li meta Ġesù jgħidilna, “tiddejqux tgħaddu mill-bieb id-dejjaq,” hu qed jgħidilna kelma ta’ veru ħabib.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa
Qari I: Iż 66:18-21
Salm: 116(117):1,2
Qari II: Lhud 12:5-7,11-13
L-Evanġelju: Lq 13:22-30

Aktar ritratti