L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema” (Mt 6:20). Dan hu li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu llum, fl-Evanġelju skont San Mattew, filwaqt li jagħmel kuntrast bejn dawn it-teżori fis-sema, it-teżori li jibqgħu, u t-teżori f’din id-dinja li, jgħid Ġesù, jitmermru bil-kamla u s-sadid u kultant ukoll jinsterqu mill-ħallelin.
Ġesù qed jagħti messaġġ ċar. Aħna nafu x’jiġifieri meta jgħid “teżori fid-dinja”. Il-Papa Franġisku, meta jispjega din, isemmi tlieta, fost oħrajn: il-vanità, il-poter u l-ġid materjali. Ħa nsemmi l-aktar il-ġid materjali. Li qed jgħid Ġesù hu li anke jekk dan ikun għandna għal żmien, dan se jispiċċa. Jew għax jitmermer, kif jgħid hu, jew jinsteraq mill-ħallelin; imma anke kieku jibqa’ dal-ġid, aħna nispiċċaw. U meta l-Mulej isejħilna għall-ħajja ta’ dejjem, ma nieħdu xejn magħna mill-ġid li nkunu akkwistajna. Ma nistgħux nippreparaw bagalja u nġorruha magħna. Kollox jibqa’ hawn. Għalhekk Ġesù qed jgħid: tgeddsux il-ġid tad-dinja. Għax aħna kultant nimpressjonaw ruħna b’min ikollu ħafna. Tibda tisma’: dak għandu l-bini ta’ hemm, u l-bini ta’ hawn, u ħa dik l-art, u ħa l-art l-oħra, u jirranġa ’l hawn bis-sewwa, u anke jekk mhux bis-sewwa jifrex kullimkien – kemm għandu ġid dan! Ġesù qed jgħid: dan kollu jgħaddi.
Il-kelma li jgħid Ġesù hi “tgeddsux”, jiġifieri irridu noqogħdu attenti li ma jkollniex il-kilba – li dejjem irridu aktar u aktar u aktar
Imma allura Ġesù ma jridx li fil-ħajja tagħna naħsbu fil-familja tagħna? Ġesu mhux hekk qed jgħid, anzi jrid li aħna jkollna l-ġid neċessarju għalina, għall-familja tagħna, biex ngħixu ħajja diċenti ta’ nies, mhux fil-miżerja. Imma l-kelma li jgħid Ġesù hi “tgeddsux”, jiġifieri irridu noqogħdu attenti li ma jkollniex il-kilba – li dejjem irridu aktar u aktar u aktar. Għax anke jekk din ma twassalx għar-regħba, għall-korruzzjoni, għall-inġustizzji u għall-qerq – dan kollu periklu reali – imma anke jekk ma twassalx għal dan, lilna ma tħalliniex fil-paċi. Din il-kilba tkun qisha ktajjen li jtaqqlu l-qalb, u l-qalb ma tkun qatt fil-paċi.
Għalhekk Ġesù jgħidilna biex inġemmgħu għalina teżori fis-sema. Id-differenza qiegħda hawn: it-teżori fis-sema huma l-ġid li nagħmlu mal-oħrajn, speċjalment ma’ dawk li huma fil-bżonn. It-teżori fid-dinja huma l-ġid li nakkwistaw għalina. Issa Ġesù qed jgħid: “Ġemmgħu għalikom teżori fis-sema”, jiġifieri: agħmlu l-ġid mal-oħrajn.
Nafu x’inhuma dawn “it-teżori fis-sema” mill-kliem ta’ Ġesù, mill-valuri stess li jsemmi Ġesù fejn hu jenfasizza li għandna naħsbu fl-oħrajn, speċjalment dawk li huma l-aktar fil-bżonn. L-opri tal-ħniena huma teżori fis-sema, meta aħna nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Ġesù jsemmi diversi: Kont bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs u int waqaft miegħi. Isemmi oħrajn – importanti li naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn, għax Ġesù jgħidilna: “kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:41) Dak għandu valur etern. Bħal meta jsemmi wkoll: “kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew, ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu” (Mt 10:42). Ara kemm Ġesù jridna li jkollna qalbna ħielsa, qalbna mimlija mħabba li tagħmel il-ġid! Hemm inkunu qed inġemmgħu teżori fis-sema, u hemm tkun qalb imdawla li ddawwal lill-oħrajn.
Ġesù jgħid: “Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll” (Mt 6:21). Nitolbu lill-Mulej biex it-teżor tagħna jkun tassew il-ġid li jibqa’, ħalli tkun qalb ħielsa, qalb mimlija mħabba. U nitolbuh il-grazzja biex nużaw il-ġid li jgħaddi b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju