L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-laqgħa ta’ Pawlu ma’ Ġesù fit-triq ta’ Damasku hi f’mument ta’ dawl qawwi, qrib nofsinhar, meta fid-deżert ix-xemx tiżreġ. Fl-istess ħin Pawlu jara dawl, li donnu jisboq id-dawl tax-xemx naturali, dawl li għamieh. Għandu bżonn l-għajnuna ta’ sħabu, kif qrajna fit-tieni qari llum, f’rakkont li żgur tafuh tajjeb, intom il-membri tal-parroċċa ta’ Ħal Safi. Kellu bżonn l-għajnuna ta’ sħabu biex jobdi l-Kelma ta’ Ġesù, li tistiednu jmur Damasku. Hemmhekk jiltaqa’ ma’ xi ħadd li kellu jagħtih kelma ta’ verità, kif ukoll, il-magħmudija. Jiltaqa’ ma’ Ħananija. L-isem ta’ Ħananija jfakkarna li l-Mulej hu ta’ ħniena kbira. Hu jiltaqa’ mal-ħniena tal-Mulej u jara d-dawl.

Fl-Evanġelju llum, Ġesù jitkellem fuq il-ħarsa ta’ għajnejna, li hi l-ħarsa ta’ qalbna. Jgħid: “Jekk mela għajnejk hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal” (Mt 6:22). Dan li nitolbu għalik għażiż kappillan Dun Ivan, li l-ħarsa tiegħek fuq il-membri tal-parroċċa, li qiegħda tkun afdata f’idejk minn Ġesù permezz tal-isqof, tkun ħarsa safja, ħarsa ta’ ħniena, ħarsa ta’ mħabba, ħarsa ta’ mogħdrija. L-istedina li nagħmillek, li inti fil-ministeru ta’ kappillan li qed tibda uffiċjalment illum, tagħżel u taddotta f’qalbek dawn it-tlett attitudnijiet li l-Papa Franġisku proprju jsejjaħ l-istil tal-Evanġelju. Li tkun qrib in-nies, li timxi magħhom fit-triq tal-kompassjoni; li “tifraħ ma’ min jifraħ, tibki ma’ min jibki” (Rum 12:15); u fl-istess ħin ikollok qalb ta’ mogħdrija, ta’ tenerezza, ta’ ħlewwa.

Aħna l-bnedmin għandna bżonn preżenza sabiħa ta’ min iħares lejna mhux biex jiġġudikana, imma min iħares lejna bit-tbissima tal-Mulej, li jafna, li jitbissem fuqna b’ċerta armonija; imma jgħinna wkoll nkunu aħjar.

Nawguralek f’isem l-Appostlu Missierna San Pawl, li l-ewwel nett tkun konvint fik innifsek mill-ħniena li Alla wera miegħek, u li juri ma’ kull wieħed u kull waħda minna; imma wkoll mill-paċenzja tiegħu. L-Appostlu Missierna jiddistingwi żewġ atteġġjamenti sbieħ tal-Mulej: jitkellem dwar il-ħniena tiegħu, u jgħid li “Alla hu għani fil-ħniena tiegħu” (Ef 2:4). Jgħid ukoll: “li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu” (1 Tim 1:15-16). Mela mhux biss jitkellem dwar il-ħniena, imma wkoll il-paċenzja. Hemm bżonn niskopru kemm il-Mulej ma jiddejjaqx jieħu paċenzja bina. B’dan l-għarfien ikollna qawwa kbira nieħdu paċenzja b’xulxin; mhux qed ngħid biss għall-miżżewġin, imma għal kull membru fil-komunità.

Trid tkun qabel il-merħla, imma wkoll fostha u warajha biex jekk ikun hemm xi ħadd jogħtor, ma jibqax lura

Jalla l-poplu għażiż ta’ Ħal Safi, fik jara ragħaj skont il-Qalb ta’ Ġesù, li fuq l-eżempju tal-Appostlu Missierna, ma tiddejjaqx tmidd idejk biex tħeġġeġ il-ħuġġieġa tal-imħabba; li fiha mhux biss tinqered il-lifgħa tal-ħażen, taz-zekzik, tal-għira; imma wkoll titħeġġeġ l-imħabba, l-armonija u t-tolleranza. Ma jistax ikollna l-istess idea fuq kollox; imma nistgħu almenu nitgħallmu nirrispettaw lil xulxin. Dan hu ministeru importanti tiegħek, għażiż Dun Ivan, għax il-kappillan imsejjaħ biex jilqa’ tant kariżmi differenti fil-komunità, tant rikezza differenti, tant opinjonijiet differenti.

Faċli tgħid: ‘naqbad niddeċiedi jien imbagħad ngħidilhom xi ddeċidejt’ jew ‘Dan ħareġ il-kunvent!’ Iżjed diffiċli tgħid: ħa niltaqgħu, niddiskutu, ħadd ma jaqbel, kulħadd għandu l-ideat. Kultant ngħidu daqskemm hawn nies hawn allat. Hemm iżjed tbatija li tlaqqa’ u li tipprova tifhem u tasal; imbagħad inti msejjaħ, biex ma ntelliflek xejn mill-awtorità li għandu bżonn li jkollok, inti mbagħad trid tmexxi u tagħti direzzjoni. Trid tkun qabel il-merħla, imma wkoll fostha u warajha biex jekk ikun hemm xi ħadd jogħtor, ma jibqax lura. Il-poplu tagħna wkoll jindikalna fejn hemm bżonn ninvestu l-imħabba bil-paċenzja.

Nixtieq insellem lill-kappillani li kien hawn qablek. It-tradizzjoni sabiħa li l-kappillani li kienu hawn taw ħajjithom f’din il-parroċċa; u anke l-membri kollha ta’ dan ir-raħal ħelu ta’ Ħal Safi. Jalla l-Mulej ibierek lil kull wieħed u waħda minnkom. Iberikkom, u intom u tilqgħu r-ragħaj il-ġdid, tilqgħu wkoll il-fwieħa ta’ Ġesù, li trid ilkoll kemm aħna, nersqu lejh li hu “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 2 Slaten 11:1-4,9-18,20
Salm: 131 (132):11,12,13-14,17-18
L-Evanġelju: Mt 6:19-23