L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hawn nies li mhuma kuntenti qatt, sodisfatti b’xejn. Jekk tkun il-kesħa, jgħidu: iġri jiġi s-sajf! U jekk tkun is-sħana, fl-eqqel tas-sħana fis-sajf, jgħidu: kemm hi aħjar ix-xitwa! Qisu dan it-tip ta’ nies Ġesù kien qed jitkellem fuqhom hawn meta qal li ġie Ġwanni l-Battista, li kien bniedem awster, li jagħmel mortifikazzjoni, isum, u qalu: “Dan għandu fih xitan”. Imbagħad fuq Bin il-bniedem – Ġesù qed jgħid għalih innifsu – jiekol u jixrob, qalu: dan hu wikkiel u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin. Qisek tista’ tagħmel l-ilma jiżfen, u ma jkunux kuntenti lanqas!

Ma kienx biss għax kienu dat-tip ta’ nies, imma wkoll għax kienu preġudikati kontra Ġesù. Għaddew mill-bidu ġudizzju negattiv fuqu, u baqgħu bih. U Ġesù ħass meta ra dan ir-rifjut, imma ħass ukoll għalihom, għax il-fatt li rrifjutaw il-Kelma ta’ Alla, lilhom kienet se tiswielhom ta’ ħsara, fis-sens li l-Kelma ta’ Alla ġid biss tista’ tagħmel. Dan rajnieh fil-Ktieb tal-Profeta Iżaija, meta jgħid li l-Kelma ta’ Alla tagħmel il-ġid lill-bniedem. Għalhekk, meta dawn irrifjutawha, qed jirrifjutaw dak li jagħmel il-ġid.

Kif ġab ruħu Ġesù quddiem ir-reazzjoni ta’ diversi nies bħal dawn? Ġesù dejjem baqa’ b’fedeltà lejn il-missjoni tiegħu u ma fittex qatt li jagħmel dak li jagħmel għall-approvazzjoni tan-nies. Ma qagħadx jistaqsi: din li se ngħid se jaċċettawha jew ma jaċċettawhiex? Se ddoqq għal widnejhom jew le? Mhux dan kien il-kriterju ta’ Ġesù, imma li jgħid jgħidu b’fedeltà lejn il-missjoni tiegħu, b’fedeltà lejn Alla. Għalhekk jibqa’ miexi anke meta jkun hemm min jirrifjuta. Ikun hemm min jaċċettah u min jirrifjutawh, dak li kien fi żmienu jibqa’ hekk dejjem, imma l-iktar importanti kien li ma jħallix lilu nnifsu jiġi kkundizzjonat minn dak li jaħsbu n-nies.

X’inhu l-messaġġ għalina llum f’din il-kelma ta’ Alla? Tfakkarna l-ewwel nett li aħna għandna nkunu nies kapaċi napprezzaw u nifirħu b’dak li hu tajjeb, mhux dejjem insibu l-ħażin f’kollox b’mod li t-tajjeb u dak li hu ta’ ġid ma napprezzawhx. Imbagħad, niftakru li aħna għandna din l-għażla quddiem il-Kelma ta’ Alla: jew niftħu qalbna u moħħna għaliha u naċċettawha, jew nirrifjutawha. Alla ma jġagħalx lilna bilfors, qatt ma ġiegħel lin-nies biex jaċċettawh bilfors. Għalhekk għandna din l-għażla, u jalla nkunu dawk li b’ħeġġa nilqgħu l-Kelma ta’ Alla għax hi kelma li tagħmlilna l-ġid, hi kelma li tfisser li ħajjitna tkun aħjar. Kif qal Ġesù: “L-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess”, anke jekk in-nies ma tawhx raġun. Hu proprju dak li naraw fil-ħajja ta’ Ġesù u ta’ dawk li jimxu warajh.

Għalhekk li għandna nagħmlu aħna hu li meta – kif hi l-missjoni tagħna –inwasslu l-kelma ta’ Alla lill-oħrajn, inwassluha b’dik is-serenità tal-qalb li jrid minna Ġesù. Se jkun hemm min jaċċettaha u min jirrifjutaha. Kienet hekk fi żmienu u tibqa’ hekk dejjem. Importanti li aħna nwassluha b’fedeltà. Mhux nistaqsu: jekk se ngħid hekk, se jkun hemm min jirrifjutaha dil-kelma? Allura nbiddilha? Le. Inwassal il-kelma ta’ Alla, imbagħad min jismagħha hi responsabbiltà tiegħu jew tagħha. Importanti li aħna nwasslu l-kelma mhux b’toqol tal-qalb, jew nagħmlu f’qalbna għax ikun hemm min jirrifjuta. L-importanti li jkollna dik is-serenità tal-qalb, u nkomplu nwasslu l-Kelma ta’ Alla bil-mod kif għallimna u wriena Ġesù.

Nitolbuh din il-grazzja, li aħna nkunu kapaċi napprezzaw is-sabiħ u t-tajjeb; li nilqgħu l-Kelma ta’ Alla f’qalbna; u nwassluha lill-oħrajn bis-serenità tal-qalb, u b’ħafna u ħafna mħabba.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju