-
-
L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
-
Il-kappella tal-Franġiskani Kapuċċini, il-Furjana
11 ta’ Frar 2019Il-festa tal-Madonna ta’ Lourdes titfa’ ħarsitna qabel xejn fuq Marija, dik l-omm li meta Ġesù kien fuq is-salib, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, tahielna bħala ommna. Hi din l-omm kollha mħabba u ħniena li aħna niċċelebraw illum. Magħha wkoll inħarsu lejn dik it-tfajla żagħżugħa ta’ 14-il sena, Bernadette Soubirous, tfajla sempliċi minn familja fqira, li ltaqgħet ma’ Marija f’din il-grotta.
Lourdes hi storja ta’ mħabba. Nixtieq li nirriflettu fuq tliet kelmiet li tgħidilna din l-istorja ta’ mħabba ta’ Lourdes.
PreżenzaL-ewwel nett il-preżenza. Bernadette, meta resqet lejn il-grotta, lemħet il-preżenza tas-‘Sinjura s-Sabiħa’. Għall-bidu kienet biss preżenza, ma kienx hemm kliem min-naħa tagħha. Fil-fatt, fid-dehriet kollha f’Lourdes, Marija ftit qalet kliem. L-enfasi kollha tal-ġrajja ta’ Lourdes hi fuq il-preżenza ta’ Marija u l-isforzi li Bernadette għamlet biex tkun preżenti magħha.
Marija turina li l-preżenza hi espressjoni ta’ mħabba. Hi preżenza li tagħmel differenza. Hekk narawha fl-Evanġelju, bħalma rajnieha llum fis-silta tat-tieġ ta’ Kana. Ftit kliem, imma preżenza mimlija mħabba u li ġġib bidla għall-aħjar. Hekk hi wkoll il-preżenza ta’ Marija bħala omm fil-mixja ta’ ħajjitna.
Marija tgħallimna li ħafna drabi turi li tħobb mhux għax tgħid ħafna kliem, jew għax tagħmel affarijiet spettakolari, imma għax tkun preżenti. L-esperjenza tagħna turina dan. Kultant tmur tara lil xi ħadd marid l-isptar jew id-dar, u tibda taħseb fuq x’se tgħid; u ħafna drabi tintebaħ li l-aqwa mhux il-kliem imma l-preżenza. Il-marid, l-anzjan, min hu waħdu jeħtieġ din il-preżenza li waħedha hi ġa stqarrija ta’ mħabba. Kif jgħid Papa Benedittu XVI, fl-enċiklika tiegħu Deus Caritas Est: “In-Nisrani jaf meta jkun il-waqt li jitkellem u meta għandu jiskot u jħalli l-imħabba titkellem hi”.
FejqanLourdes hu magħruf għall-fejqan. Marija qalet lil Bernadette biex tixrob mill-għajn, imma ma kienx hemm għajn fil-post. Meta Bernadette fittxet u daħħlet idha fit-tajn, ħareġ l-ilma u dan l-ilma bil-mod il-mod sar għajn li jfejjaq u jagħti l-ħajja. Għadd kbir ta’ nies sabu l-fejqan meta talbu lil Marija f’Lourdes.
Il-ġrajja ta’ Lourdes tfakkarna li l-fejqan m’huwiex biss fiżiku. Bernadette innifisha turina li mhux dejjem se jkun hemm il-fejqan fiżiku. Hi nnifisha kienet ħajjitha kollha persuna marradija, mietet ta’ 35 sena bit-tuberkulożi, u hi stess ma kinetx titlob għall-fejqan tagħha.
Jeżisti tip ta’ fejqan ieħor – il-fejqan minn ġewwa. Alla jista’ jfejjaqna minn dak li ġewwa fina jkun ta’ ostaklu għall-paċi f’qalbna – mill-mibegħda, mill-għira, mill-egoiżmu, mill-qtigħ ta’ qalb. Dan spiss inħossuh fina u jista’ jkaxkarna miegħu. Għalhekk il-fejqan li jagħtina Alla jgħinna negħlbu dak li jmarradna minn ġewwa, u jgħinna biex ngħixu fil-paċi tal-qalb u fis-serenità – karatteristiċi speċjali ta’ Lourdes – u nkunu aħna stess mezz ta’ fejqan għal ħafna.
TbatijaLourdes hu l-post tat-tbatija. Meta tmur hemm, kull fejn idawwar wiċċek, hemm nies għaddejjin minn tbatija. Imma Lourdes hu wkoll il-post li jurik kif tgħix it-tbatija, u kif tieqaf mal-persuni li qed ibatu.
Kemm-il darba nieqfu ssummati quddiem it-tbatija u ma nsibux mod kif nispjegawha. It-tbatija ma nifhmuhiex. Ikollha biss tifsira jekk aħna ngħixuha billi nissieħbu flimkien ma’ Ġesù Kristu fuq is-salib. Hemmhekk narawh għaddej mill-iktar tbatija ħarxa, imma fl-istess waqt hi tbatija li tifdi. Meta aħna nissieħbu miegħu, u miegħu noffru t-tbatija li ngħaddu minnha, bil-qawwa tiegħu ssir ukoll tbatija li tifdi.
Imbagħad hemm ukoll il-mod kif nieqfu mal-persuni li qed ibatu. Il-Papa Franġisku, fil-messaġġ għal Jum il-Morda ta’ din is-sena (2019), isemmi kemm hu importanti li aħna ngħixu l-gratwità, jiġifieri ħajjitna ngħixuha bħala għotja ta’ mħabba. Marija hi l-isbaħ eżempju ta’ ħajja ta’ gratwità. Lourdes hi ċelebrazzjoni ta’ din il-gratwità. Flimkien mat-tbatija li tara kull fejn tħares, tara wkoll tant nies volontarji li jagħżlu li jmorru mal-morda, jakkumpanjawhom fit-tbatija, jagħtuhom mhux biss xi ħaġa minn tagħhom imma lilhom infushom f’għotja ta’ mħabba.
Nitolbu lill-Madonna ta’ Lourdes tkompli timxi magħna bħala omm il-jiem kollha ta’ ħajjitna u turina kif bħalha nkunu preżenza sabiħa, mezz ta’ fejqan, u sostenn fit-tbatija.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju -
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti