L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ix-xibka… ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut”. Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann, dan ir-rakkont sabiħ ta’ waħda mid-dehriet ta’ Kristu Rxoxt lid-dixxipli tiegħu. U kienet għalihom tassew sorpriża, għax dawn is-seba’ dixxipli, u Pietru diġà hu l-kap tagħhom hawnhekk, joħorġu jistadu u jagħmlu l-lejl sħiħ u ma jaqbdu xejn. Issa dawn kienu esperti fis-sajd. Imbagħad jaraw lil dan ir-raġel, għall-bidu ma għarfuhx li kien Ġesù, li jgħidilhom, wara li staqsiehom fuq l-ikel: “Waddbu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu”.

L-Evanġelju jgħid li dawk għamlu hekk, u tant qabdu ħut li kien b’diffikultà li kaxkru x-xibka lejn ix-xatt. Mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira! Kien proprju f’dan il-waqt li Ġwanni qal lil Pietru “Il-Mulej dan!” F’dak il-mument għarfu li dan kien Ġesù li qam mill-mewt. Hekk kienu jafuh lil Ġesù qabel. Kienu jafuh, fil-ħajja tiegħu, bħala dak li dejjem iġib il-ġid, dak li dejjem jagħti bl-abbundanza, dak li sitwazzjoni jibdilha minn waħda diffiċli jew ta’ falliment – bħalhom li għamlu lejl sħiħ u ma qabdu xejn – għal waħda ta’ suċċess – qabdu daqshekk ħut!

Ġesù dejjem iġib il-ġid, u l-ġid bl-abbundanza.  

Għalhekk “Il-Mulej dan!” Dak kien li għarfu huma, u dik hi l-istqarrija l-aktar importanti: Ġesù qam mill-mewt, dan hu l-Mulej.

Nafu l-bidla li seħħet, bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Ġesu Rxoxt, f’dawn id-dixxipli tiegħu. Qabel kienu jibżgħu, magħluqin fihom infushom, f’qoxorthom; imbagħad joħorġu jħabbru li Kristu hu ħaj, u jagħmlu dan b’qawwa u b’ħeġġa. Rajniehom fl-ewwel qari fl-Atti tal-Appostli, Pietru u Ġwanni – tnejn minn dawn li huma protagonisti f’dan l-Evanġelju – rajniehom iħabbru lil Ġesù: Ġesù l-Mulej li jsalva, hu li qam mill-mewt. U l-awtoritajiet reliġjużi ta’ dak iż-żmien jitfgħuhom il-ħabs biex jintimidawhom, biex ibeżżgħuhom; imbagħad meta jinvestigawhom, jistaqsuhom: intom b’liema qawwa qed tagħmlu dan? U jweġbuhom: bil-qawwa ta’ Ġesù ta’ Nażaret “li intom sallabtuh u li Alla qajmu mill-imwiet”. Imbagħad jikkwotaw Salm 117, is-salm li tlabna llum, u jgħidulhom: “Din hi l-ġebla li intom, il-bennejja, warrabtu u li saret il-ġebla tax-xewka”. Bis-saħħa tal-Mulej li seħħ dan.

X’nitgħallmu għall-ħajja tagħna minn dan ir-rakkont sabiħ? Li aħna lkoll imsejħin biex nagħrfu lil Kristu bħala l-Mulej, il-Mulej tal-ħajja tagħna. Aħna għandna dejjem din l-għażla: jew nilqgħuh, jew inwarrbuh. Jekk inwarrbuh, inkunu bħal dawk il-bennejja li jsemmi s-salm li warrbu l-ġebla tax-xewka, il-ġebla l-iktar importanti fil-bini; jekk nilqgħuh, inkunu bħal dawn is-sajjieda li għamlu kif qalilhom Ġesù, u raw id-differenza kbira li ġab fil-ħajja tagħhom. Ġesù dejjem iġib il-ġid, u l-ġid bl-abbundanza.  

Nitolbu lill-Mulej illum biex aħna nilqgħuh fil-ħajja tagħna, nagħrfuh bħala l-Mulej, u kif għedna fis-salm, nifirħu u nithennew fih.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju