L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin”. Din hi d-deskrizzjoni tan-nies li marru biex jisimgħu lil Ġesù, li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Luqa llum. Veru ma kellhomx għalfejn dak iż-żmien iżommu d-distanza soċjali u joqogħdu ’l bogħod, imma kienet problema għal Ġesù b’dawk in-nies kollha biex iwasslilhom il-kelma tiegħu. Imma Ġesù, bħalma naraw dejjem u hawn b’mod ċar, la jibża’ jwassal il-kelma u lanqas jipprova jingħoġob. Hawnhekk, fil-fatt, jagħti ħafna punti importanti għall-ħajja; u bħalma kienu importanti għad-dixxipli tiegħu, hekk huma importanti wkoll għalina llum.
Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu biex joqogħdu attenti mill-qerq: “Ilqgħu rwieħkom mill-ħmira tal-Fariżej.” Juża l-kelma “ħmira” għax hawnhekk qed jirreferi għal xi ħaġa li taħdem minn ġewwa, b’mod li ma tarahiex imma tkun qed taħdem. Bħalma kien qal ukoll li aħna għandna nkunu ħmira fis-soċjetà, fis-sens tajjeb, li t-tajjeb nagħmluh u nagħmluh minn ġewwa, hekk qed jgħidilhom li jridu joqogħdu attenti mill-qerq u l-wiċċ b’ieħor ta’ min tħares lejh minn barra mod, imma fil-fatt hemm affarijiet oħra ta’ ħsara. Dak li jgħid lilhom hu importanti għalina wkoll, li jkollna dak l-għaqal biex ma nitqarrqux minn dak li jidher minn barra, imma nkunu qed naraw lilhinn biex u ma nkunux vittmi tal-qerq.
… la jibża’ jwassal il-kelma u lanqas jipprova jingħoġob.
Ġesù jgħid ukoll kelma li hi qawwija wkoll: “Xejn ma hu mgħotti li ma jinkixifx, u xejn ma hu moħbi li ma jsirx magħruf”. Aħna lkoll ikollna dik ix-xewqa li meta jkun hemm affarijiet ħżiena li għandhom jinġiebu għad-dawl, fil-fatt ma jibqgħux moħbija. Per eżempju, fejn tidħol il-ġustizzja – li l-ġustizzja verament issir. Imma nafu li fil-ħajja mhuwiex dejjem hekk. Hemm affarijiet li jibqgħu moħbija u mistura. Imma Ġesù qed jgħid: quddiem Alla qatt, qatt ma tista’ taħbi. Quddiem Alla ma tistax tgħid: dil-ħaġa ħa nqegħidha fejn ma jarahiex. Għax Alla jara kollox. Dan ifisser li fil-ħajja tagħna, fl-għażliet tagħna, dak li għandna nistaqsu hu: fil-kuxjenza tiegħi quddiem Alla, din hi tajba jew ħażina? Jekk jien mingħalija se nagħmel xi ħaġa ħażina u naħbiha u nżommha mistura, jista’ jirnexxili nagħmel hekk quddiem diversi nies, imma quddiem Alla ma jirnexxilix. Għax Alla jara wkoll dak li hu moħbi, dak li għal għajnejn in-nies kultant hu mistur.
Jgħid ukoll Ġesù fl-Evanġelju: tibżgħux minn dawk li jistgħu joqtlu l-ġisem. Minn xiex għandek tibza’? Minn dak li jista’ jtelliflek ruħek. Jiġiferi aħna rridu noqogħdu ħafna attenti f’ħajjitna għas-salvazzjoni li jġibilna Ġesù. Interessanti kif Ġesù jsemmi dawn it-tnejn: joqtlu l-ġisem, u li ssalva ruħek. Ġesù kien dak li miet maqtul, vittma tal-inġustizzja u l-mibegħda, biex lilna jista’ jsalvana bil-mewt tiegħu. Għalhekk qed jgħidilna: fuq dan għandkom taħdmu, is-salvazzjoni li jien ġibtilkom.
Jgħid ukoll xi ħaġa importanti ħafna għal ħajjitna: intom tiswew aktar mill-għasafar tal-bejt. Jgħid: l-għasafar tal-bejt Alla jieħu ħsiebhom, imma intom tiswew aktar. Din lilna tagħtina ħafna paċi u timlielna qalbna bl-imħabba tiegħu. Ġesù qed jgħidilna: tibżgħux. Anke jekk inti tħossok waħdek, jew tħossok kultant vittma tal-qerq u tal-ħażen, jekk int tħossok kultant f’ambjent fejn kulħadd jgħaffeġ fuq xulxin, tibżax għax int m’intix minsi. Alla lilna ma jinsiniex. Alla lilna jafna wieħed wieħed wieħed u waħda waħda, mhux qisna folla, u jgħożż lil kull wieħed u waħda minna u jrid iwassal din l-għożża tiegħu. Għalhekk m’għandniex nibżgħux għax nafu li miegħu aħna għandna din ir-rabta kbira ta’ mħabba u ta’ għożża.
Nitolbu illum biex jgħinna ma nkunux vittmi tal-qerq u tal-ħażen, vittmi tal-biża’, imma biex nintelqu f’idejn l-imħabba u l-ħniena tiegħu – kif għallmitna Santa Margerita Marija Alacoque – f’idejn il-qalb ta’ Ġesù biex hu jwasslilna l-imħabba u s-salvazzjoni tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju