L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Tajjeb nieqfu ftit fuq l-aħħar frażi li jgħid Ġesù llum: “L-għerf ta’ Alla tawh raġun l-opri tiegħu stess” (Mt 11:19). Ħafna drabi Ġesù jinsisti: “jekk ma temmnux dak li ngħidilkom, araw dak li nagħmel”. Kieku jkollna ngħidu hekk, aħna! Lil min jgħidilna: “u inti tparla fil-vojt!”. Araw dak li nagħmel u tifhem dak li ngħid.

Ħaġa sabiħa dik li l-kliem tagħna jaqbel mal-ħajja tagħna għax dan li qed jgħid Ġesù: inti tara l-opri ta’ jdejn Alla u tifhem min hu, kemm iħobbna, kemm hu għaref, kemm hu kbir. Min jaf kemm-il xjenzjat li forsi beda l-ħajja professjonali tiegħu b’ħafna xettiċiżmu, meta jara l-armonija fil-ħolqien, il-kobor tal-ħolqien, jibda jifhem li ma jistax ikun li dan kollu ġej hekk mingħajr ħsieb jew pjan, kollox addoċċ għax m’hemm xejn addoċċ. Aħna nagħmlu addoċċ il-ħaġa. Imma mhux Alla u l-pjan tiegħu tal-imħabba.

Ejjew nitolbu wkoll l-interċessjoni tal-omm. Il-ferħ tal-omm hi tara ’l uliedha miġbura madwar mejda waħda jieklu ikla tajba bil-qalb. Dak hu l-ferħ tal-omm u l-Madonna mhux hekk tixtieqna?

Ġesù qed jilmenta wkoll li aħna dejjem insibu skuża biex niċħduh jew ngħidulu ‘le’. Ġie Ġwanni bil-penitenza – qalu li fih xitan (Mt 11:18). Ġie Ġesù jiekol u jixrob – għalhekk aħna ma’ Ġesù, tajjeb li nkunu ma’ Ġesù għax dan ġie jiekol u jixrob; ħabib tal-pubblikani u l-midinbin (Mt 11:19). Ikolli nagħżel bejn dik ta’ Ġwanni u ta’ Ġesù, nagħżel ta’ Ġesù. Imma hekk jiddeskrivi lilu nnifsu Ġesù: “Ġie Bin il-bniedem jiekol u jixrob” (Mt 11:19) u nafu kemm Ġesù ltaqa’ ma’ nies waqt l-ikel. Wara kollox, bħala tifkira tiegħu x’għamel? Ma qalilniex: ‘oqogħdu sawtu lil xulxin’ (insomma kultant nagħmluha wkoll, imma mhux b’tifkira tiegħu), imma għamlu ma nafx xiex jew xi penitenza ħarxa. Qal għamlu ikla: “Ħudu u kulu, ħudu u ixorbu, dana hu ġismi, dan hu demmi” (Mt 26:26-27). Imma din ukoll – u din hi konsolazzjoni kbira, faraġ kbir għalina – ħabib tal-pubblikani u tal-midinbin. Ħabib tagħna. Leħen il-maħbub, leħen il-ħabib hu l-leħen ta’ Ġesù.

Għalhekk ejjew nitolbu f’din il-mixja tal-Avvent li aħna nieqfu nagħmlulu skużi. Ejjew nammettu min aħna, ma niddejqux ngħidulu: “Għaffiġtha! Ma kontx bravu, ma kontx bil-għaqal”. Jafna, iħobbna, jagħdirna, iħenn għalina. Qed jgħidilna: ‘M’hemmx għalfejn toqogħdu taħlu ħafna enerġija fl-iskużi, ejjew noqogħdu bilqiegħda nirraġunaw flimkien. Id-dnubiet tagħkom ħomor daqs l-iskarlat isiru bojod bħas-silġ’. L-opri tiegħi jistgħu jagħtu raġun lill-għerf ta’ Alla u Alla jiġi bil-ħniena. Ejjew nitolbu wkoll l-interċessjoni tal-omm. Il-ferħ tal-omm hi tara ’l uliedha miġbura madwar mejda waħda jieklu ikla tajba bil-qalb. Dak hu l-ferħ tal-omm u l-Madonna mhux hekk tixtieqna? Miġburin mal-mejda li ħejja Binha li ġie jiekol u jixrob f’paċi bejnietna u f’paċi miegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 48:7-19
Salm: 1:1-2.3.4 u 6
L-Evanġelju: Mt 11:16-19