L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dawl, ħajja, grazzja. Dawn kollha huma kliem għeżież li l-bidu tal-Evanġelju skont San Ġwann li għadna kemm smajna, jirrepeti kemm-il darba. Donnu qiegħed jirrispondi għall-għatx profond li hemm fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Fid-dlam nixxeqnu għad-dawl, fid-dlamijiet tal-mewt nixxenqu għall-ħajja. Fost ħafna tiġrib, għira u mibegħda nixxenqu għall-grazzja tal-imħabba.
Illum tweldilna tifel li jiġbor fih dan kollu għax il-liġi nagħtatilna permezz ta’ Mosè imma l-grazzja u l-verità seħħew permezz ta’ Ġesù Kristu.
Ngħixu f’ambjent u f’dinja fejn il-kelma fake saret kelma ta’ kuljum fake news, fake kollox. Qegħdin ngħixu f’ambjent fejn l-imħabba hija banalizzata, l-imħabba tixtriha, tbiegħha imma permezz ta’ Ġesù Kristu magħmul bniedem, li nistgħu nħarsu lejh, tarbija fil-maxtura ta’ Betlehem, l-imħabba u l-verità seħħew. Imħabba u verità ta’ vera.
Kemm hi proposta sabiħa li Alla ħalaqna fix-xbieha tiegħu, u għalhekk ħalaqna kapaċi nħobbu għax hu, l-imħabba, jiġi fostna bħala wieħed minna biex jerġa’ jġedded fina dik ix-xbieha li aħna konna qridna, ċappasna, tappanna bl-egoiżmi, bil-mibegħdi, u bl-għiriet tagħna. Għalhekk, Ġesù jiġi “dawl jiddi fid-dlam” (Ġw 1:5), għalhekk l-Insara mill-ewwel fehmu li f’dawn il-jiem, meta x-xemx terġa’ tibda tieħu f’idejha l-jum u l-jum jibda jitwal bil-mod il-mod, meta s-soċjetà tal-ewwel sekli kienet tiċċelebra l-festa tax-xemx li qatt ma tintrebaħ is-Sol Invictus, dan il-jum kien l-aqwa jum li fih jiċċelebraw Kristu li huwa d-dawl tal-bnedmin. “Id-dawl jiddi fid-dlam u d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:5).
Imma fl-Evanġelju li għadna kemm smajna hemm nota ta’ realiżmu tremend li llum, f’dan il-jum tal-Milied, nixtieq nirriflettu ftit fuqha. “Kien fid-dinja, id-dinja saret bih”, qed jitkellem għalI-Iben ta’ Alla, “imma d-dinja ma għarfitux , ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:10-11). San Ġwann qed jispjega li l-imħabba ta’ Alla hija mħabba li tippromwovi u tirrispetta l-libertà tal-ħlejqa tiegħu. Mingħajr din il-libertà, l-imħabba tagħna hija wkoll fake, u dan huwa l-paradoss, dan huwa l-misteru kbir: li Alla hu u joħloqna, joħloqna bil-kapaċità li ngħidulu ‘iva’ imma wkoll li ngħidulu ‘le’. U allaħares ma kienx hekk għax kieku l-imħabba tagħna kienet tkun imħabba ta’ bilfors. Alla jixtieqha tkun imħabba sabiħa, imħabba ta’ vera, imħabba libera.
Fl-Ittra Appostolika sabiħa Patris Corde dwar San Ġużepp, li l-Papa Franġisku nieda u tana fit-8 ta’ Diċembru li għadda, jitkellem fuq dan l-atteġġjament f’Alla. Iħares lejn Ġużeppi li Alla għażlu biex ikun il-missier putattiv, legali, ta’ ibnu magħmul bniedem bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u jfakkar li t-tradizzjoni kostanti tal-komunità Nisranija ssejjaħ lil San Ġużepp bħala kastissimu. Xi tfisser? Xi jfisser dan it-titlu li San Ġużepp huwa mill-iżjed kast?
Il-Papa jgħid li din mhijiex biss indikazzjoni affettiva imma l-ġabra ta’ mġiba li tesprimi l-maqlub ta’ pussess. Il-kastità hija libertà mill-pussess f’kull qasam tal-ħajja. L-imħabba hija tassew imħabba biss meta hija safja. L-imħabba li trid tippossedi ssir dejjem perikoluża, tjassar, tifga, u tnikket. Il-Papa jgħid xi ħaġa straordinarja. “Alla nnifsu ħabb lil bniedem b’imħabba safja, ħallih liberu anke li jiżbalja u jeħoda kontrih. Il-loġika tal-imħabba hi dejjem loġika ta’ liberta” (Patris Corde, nru 7)
Alla, hu u jirrispetta l-libertà tiegħi u tiegħek, ma jixtiqniex li ninfirdu minnu, u bagħat lil ibnu biex iġedded fina dak l-għatx għall-imħabba vera. Imma llum, quddiem it-tarbija ta’ Betlehem li tfakkarna fil-fraġilità, fid-dgħufija, u fid-dipendenza totali minnha, irridu nifirħu ta’ dan id-don u ta’ din ir-responsabbiltà. Aħna llum qegħdin nirċievu stedina partikolari: tħobbnix bilfors jew għax tibża’ minni, iżda ħobbni għax jien l-imħabba vera. Tkunx skjav tiegħi, titwerwirx minni, il-ħarsa u t-tmellisa tiegħi jagħmluk ħieles tassew. Din l-esperjenza li tmiss il-qalb u tħeġġiġha b’imħabba vera, hija l-ikbar awgurju li nistgħu nagħtu lil xulxin fil-Milied.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 52:7-10
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4,5-6
Qari II: Lhud 1:1-6
Evanġelju: Ġw 1:1-18