L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Meta darba lil Ġesù staqsewh liema hu l-ikbar kmandament, kien qalilhom: “L-ewwel kmandament huwa… ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30).  Dan li rajna llum fl-Evanġelju – dak li għamlet Marija meta ġabet il-fwieħa u dilket riġlejn Ġesù u xxuttathomlu mbagħad b’xagħarha – kienet espressjoni ta’ din l-imħabba totali, imħabba sħiħa lejn Ġesù. Hi, li tant kienet tħobbu lil Ġesù, riedet turi dan u fissret din l-imħabba totali tagħha.

Kien hemm Ġuda l-Iskarjota li ħadha bi kbira li ħliet daqshekk flus fuq dil-fwieħa biex tagħmel dan. U qal li dil-fwieħa setgħet inbiegħet għal tliet mitt dinar u jingħataw lill-foqra.  Meta tara dan l-argument, tgħid li setgħet forsi użat inqas għall-fwieħa u tat minnha għall-karità. Imma Ġesù ta raġun lil Marija. Ħalli nsemmi żewġ affarijiet fir-risposta li ta Ġesù li tant huma importanti biex nifhmu dan għal ħajjitna.

L-ewwel nett Ġesù jara l-qalb. Ra l-qalb ta’ Marija, kollha mħabba, lesta biex turi din l-imħabba lejh; u ra l-qalb ta’ Ġuda, magħluq fih innifsu, u kollox ifittex li jiġbed lejh. Ġesù jara l-qalb, mhux biss dak li jidher.

Imma wkoll, fir-risposta li ta Ġesù “il-foqra ssibuhom dejjem magħkom” hemm xi ħaġa importanti ħafna li għandna nifhmu. Dik ir-risposta li ta Ġesù, il-Lhud li semgħuh kienu jafuha sew. Għax dik kienet fit-Testment il-Qadim, fil-Ktieb tad-Dewteronomju (ara Dewt 15:11), l-ewwel biċċa ta’ sentenza li tkompli: il-foqra ssibuhom dejjem magħkom … u jien (Alla qed jitkellem) nordnalek biex tiftaħ idek ma’ ħuk, mal-fqir, mal-miskin. Meta semma hekk Ġesù, qed jgħid: il-foqra ssibuhom dejjem magħkom, u għandkom dejjem tgħinuhom.

Ġesù spjega ċar: għax tqiegħed kontra xulxin l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-foqra? Din mhijiex waħda kontra l-oħra, jew waħda tieħu post l-oħra. Fil-fatt, meta Ġesù spjega l-akbar kmandament, kien qal li għandek tħobb lil Alla b’mod sħiħ, u kompla: “U t-tieni jixbhu: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Għax l-imħabba vera lejn Alla lilna tiftaħna lejn l-oħrajn u tgħinna biex naħsbu tassew f’dawk li huma fil-bżonn. Allura dawn imorru flimkien.

Meta verament titlob b’mod ġenwin, fit-talb Alla jiftaħ qalbek għal dawk li huma fil-bżonn.

Kultant l-argument ta’ Ġuda għadu jinstema’ anke fi żmienna, qisu l-ħin mogħti biex turi l-imħabba tiegħek lejn Alla hu ħin żejjed. Pereżempju, it-talb: mhux aħjar flok il-ħin ta’ talb tgħin lil min hu fil-bżonn?  Imma r-risposta ta’ Ġesù hi: għax tqegħidhom kontra xulxin? Dawn imorru flimkien. Meta verament titlob b’mod ġenwin, fit-talb Alla jiftaħ qalbek għal dawk li huma fil-bżonn. Għax imbagħad int tara lilu f’dawk li huma fil-bżonn, kif qalilna hu: Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti tagħmluh miegħi. Dawn imorru flimkien: l-għaqda ma’ Alla, l-imħabba sħiħa lejn Alla u l-imħabba lejn dawk li huma fil-bżonn.

Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja li aħna f’ħajjitna jkollna mħabba sħiħa lejh u li din l-imħabba tiftħilna qalbna għal dawk li huma fil-bżonn, għal dawk li b’xi mod jew ieħor jeħtieġu l-għajnuna, biex aħna nuruhom tassew l-appoġġ, is-solidarjetà u l-imħabba kif uriena u kif għallimna Ġesù.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju