It‑Tribunali tal‑Knisja tal‑Provinċja Ekkleżjastika Maltija ċċelebraw l‑inawgurazzjoni tas‑Sena Ġudizzjarja nhar l‑Ġimgħa 28 ta’ Jannar 2022, fil‑Palazz tal‑Arċisqof, il‑Belt Valletta. L-Arċisqof Charles Scicluna ta d-diskors tal-ftuħ. Il‑Lectio Magistralis din is‑sena ngħatat mill‑Kardinal Mario Grech bit-tema ‘Id-Dinamika Sinodali tal-Proċess Ġudizzjali’.

Il‑Vigarji Ġudizzjali tat‑tliet Tribunali Ekkleżjastiċi taw il‑kontribuzzjonijiet tagħhom dwar it‑Tribunal Reġjonali tal‑Appell, it‑Tribunal Metropolitan ta’ Malta, u t‑Tribunal Djoċesan ta’ Għawdex. Il‑Vigarji Ġudizzjali aġġornaw ukoll lil dawk preżenti dwar il‑ħidma li t‑Tribunali tagħhom wettqu matul l‑2020 u l-2021. Dan hu mezz kif it‑Tribunali jkunu kontabbli u trasparenti fil‑ħidma tagħhom, skont ix‑xewqa tal‑Papa Franġisku. Huma rringrazzjaw ukoll lill‑ħaddiema tat‑Tribunali u lil tant kollaboraturi oħra li jaqdu lill‑Poplu t’Alla f’din il‑ħidma tant delikata u fl‑istess ħin tant bżonjuża.


Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Eminenza għażiż Mario, Eċċ. Mons. Nunzju, għażiż Mons. Anton Isqof ta’ Għawdex, għażiż Joseph l-Isqof Awżiljarju, insellem b’mod speċjali wkoll lill-Vigarji Ġudizzjali ta’ Malta u ta’ Għawdex, u lilek Mons. Bajada l-President tat-Tribunal reġjonali, u lilkom ilkoll b’mod speċali l-imħallfin, u dawk kollha li qegħdin taħdmu b’dedikazzjoni kbira f’dan il-qasam tal-ġustizzja.

Xortina tajba din is-sena li qegħdin inniedu s-sena forensi wara li kellna x-xorti nisimgħu r-riflessjonijiet tal-Qdusija tiegħu l-Papa lbieraħ lit-Tribunal tar-Rota Romana fejn irnexxielu b’mod abbli jintegra l-proċess ġudizzjali fil-qafas tal-proċess sinodali li l-Papa nieda għall-Knisja u li jsemmi prattikament kuljum: li nimxu flimkien, bħalma smajna anke lil Alessandra tikkwota lil San Tumas t’Aquino. Ma jistax ikun hemm mixja responsabbli u korisponsabbli mingħajr sens kbir ta’ ġustizzja li tirrikonoxxi r-rwol ta’ kulħadd, id-drittijiet ta’ kulħadd u d-doveri ta’ kulħadd. Il-ġustizzja, wara kollox, hi l-espressjoni tal-imħabba konkreta lejn il-proxxmu li tagħti lill-proxxmu dak li jistħoqqlu imma wkoll tirrikonoxxi d-dinjità tal-proxxmu.

Min għadda minn hawnhekk jaf li n-nies li ltaqgħu magħhom huma mweġġgħin, li jitolbu mhux biss il-verità fuq ħajjithom imma wkoll il-fejqan li taf tagħti l-Knisja bid-dixxerniment tagħha

Nixtieq nirringrazzja lit-Tribunali tagħna f’isimna l-Isqfijiet tal-ħidma li matul is-sena ssir b’silenzju, b’ħeġġa u b’dedikazzjoni kbira. Aħna qegħdin f’dan il-proċess li, kif jixtieq ukoll il-Papa Franġisku u kif profetikament antiċipa fl-Evangelii gaudium, irid ikun espressjoni ta’ Knisja li tilqa’, Knisja li takkumpanja. U jrid ikun ukoll espressjoni ta’ dak li l-Papa ħafna drabi jsemmi bħala l-istil ta’ Ġesù jew l-istil tal-Evanġelju li hu dak li jingħad fit-tenerezza, fil-viġilanza, fil-kumpassjoni. Ħafna drabi l-kelma tal-imħallef tista’ tiġi interpretata minn parti jew l-oħra bħala kelma iebsa jew ma tantx hi tenera. Imma t-tenerezza mhix ta’ xi ħadd li jinjora l-esiġenzi tal-verità biex jogħġob lil xi ħadd. It-tenerezza hi t-tħaddin tal-verità magħmula b’sens ta’ mogħdrija u b’sens ta’ kumpassjoni.

Nawgura u nitlob li x-xogħol tat-Tribunal, li ħafna drabi hu xogħol ingrat, ikompli jesprimi din il-viċinanza tal-Knisja f’sitwazzjonijiet fejn hemm feriti kbar. Min għadda minn hawnhekk jaf li n-nies li ltaqgħu magħhom huma nies imweġġgħin, li jitolbu mhux biss il-verità fuq ħajjithom imma wkoll il-fejqan li taf tagħti l-Knisja bid-dixxerniment tagħha – kelma oħra għall-qalb ħafna l-Papa Franġisku, wild dehen ta’ Sant’Injazju. U jalla d-dixxerniment tagħna fit-tribunali, il-Papa jħobb jinsisti li l-isqof hu l-iudex natus u din fil-processus brevior ħarġet iżjed fid-deher. Imma l-isqof irid l-għajnuna tal-kollaboraturi tiegħu biex ikun jista’ jasal għal dixxerniment li permezz tiegħu jfejjaq u jdewwi l-merħla.  

Il-ġustizzja, wara kollox, hi l-espressjoni tal-imħabba konkreta lejn il-proxxmu li tagħti lill-proxxmu dak li jistħoqqlu imma wkoll tirrikonoxxi d-dinjità tal-proxxmu

Nixieq nirringrazzja lit-Tribunali tagħna ta’ dan is-sens fil-ministeru ta’ fejqan għax il-ġustizzja fit-Tribunali tagħna hi ministeru ta’ fejqan. U nawgura wkoll li għalkemm ikollna nħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjonijiet diffiċli, ikollna l-faraġ li qegħdin ukoll nobdu l-kmand ta’ Ġesu li mhux biss qalilna: “Immorru u ngħallmu” imma wkoll tana l-qawwa li nfejqu f’ismu bid-don tal-imħabba fil-verità.

Nawgura lil kulħadd sena ġdida ta’ ħidma fit-Tribunali tagħna u ħerqan nisma’ wkoll lill-Vigarji Ġudizzjali tagħna biex jgħidulna ftit fejn qegħdin, fiex wasalna u kemm għad baqgħalna affarijiet pendenti wkoll. Nirringrazzjakom ħafna. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta