L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Għażiża Sr Rachel, fost it-tifkiriet sbieħ ta’ din il-ġurnata speċjali għalik, nixtieq li tiftakar f’ħaġa partikulari li tgħaqqad flimkien din il-festa sabiħa tal-professjoni perpetwa tiegħek u s-solennità tal-Epifanija tal-Mulej li qed niċċelebraw illum mad-dinja kollha: ftakar li l-maġi qatt ma ħarsu lura.
Kellhom vjaġġ twil, kellhom biċċa xogħol biex jaslu sa għand Ġesù, kellhom diversi ostakli u inċertezzi. Kellhom ukoll min ipprova jqarraq bihom – Erodi. Imma waslu fid-destinazzjoni għax dejjem ħarsu ’l quddiem. Kellhom ix-xewqa u d-determinazzjoni, l-għajnuna tal-Kelma ta’ Alla u l-għajnuna tal-kewkba li għenu biex waslu għand Ġesù.
Nixtieqek tiftakar f’dan: li l-Maġi qatt ma ħarsu lura. U x’għenhom biex qatt ma jħarsu lura? Ħa nsemmi tliet affarijiet li naraw f’din il-ġrajja u fl-istess waqt jgħoddu wkoll għall-festa speċjali tiegħek illum.
Ix-xewqa
L-ewwel nett, ix-xewqa profonda f’qalbhom biex jaslu għand is-sultan tal-Lhud, ix-xewqa biex jaslu għand Ġesù. Kienet din ix-xewqa ta’ ħajjithom li mexxiethom ’il quddiem.
Int ukoll kienet u hi x-xewqa ta’ ħajtek li tingħaqad ma’ Ġesù, li jkun hu – kif għadek kif għedt – l-għarus tiegħek, u jkun hu li jimla l-qalb tiegħek. Ftakar għalhekk f’din il-mixja tal-ħajja tiegħek li huwa Ġesù Kristu li jista’ jimla tassew lil ħajtek, jimlielek qalbek. Fih issib l-aspirazzjonijiet l-aktar profondi tal-ħajja tiegħek. Huwa hu li tassew jagħti s-sena lill-ħajja tiegħek. Huwa hu li jaħfirlek id-dnubiet tiegħek, jgħinek fid-dgħufijiet tiegħek. Hu li jbqa’ jmexxik ’il quddiem. Għalhekk, din ix-xewqa li jkun hu li jimla l-qalb tiegħek, kif għedna fis-salm: “Int Mulej sraqtli qalbi. Bik miegħi xejn ma jonqosni.”
Id-determinazzjoni
X’għen ukoll lill-Maġi biex jimxu ’l quddiem u qatt ma jħarsu lura? Hi d-determinazzjoni tagħhom imsieħba max-xewqa profonda fil-qalb. Kienu nies li ma jaqtgħux qalbhom. Din id-determinazzjoni għenithom biex jagħmlu li hemm bżonn, jistaqsu fejn kien hemm bżonn jistaqsu. Staqsew ukoll biex ikunu mdawla bil-Kelma ta’ Alla – meta qalulhom b’Betlehem, kien id-dawl mill-Kelma ta’ Alla. Din id-determinazzjoni għenithom biex jaslu għand Ġesù.
F’dan ukoll, fis-snin li għaddew kienet id-determinazzjoni li mexxietek ’il quddiem biex tifforma ruħek, biex tagħmel li hemm bżonn biex tasal għaċ-ċelebrazzjoni sabiħa tal-professjoni perpetwa tiegħek. Ftakar li t-triq li għandek quddiemek hi wkoll triq li titlob determinazzjoni. Tħalli xejn ifixklek. Alla jgħinna u jixtieq li aħna ngħinu ruħna bil-kuraġġ u d-determinazzjoni.
Il-kewkba
X’għen ukoll lill-Maġi biex qatt ma jħarsu lura? Kienet il-kewkba li raw fis-sema u komplew isegwu biex setgħu jaslu fl-aħħar mill-aħħar ħdejn Ġesù. Dan kien sinjal li tahom Alla. Hawn tinduna kif is-sinjal tal-kewkba kien sinjal għalihom li qed ifittxu, imma sinjal li Alla stess qed ifittixhom u jiġbidhom lejh permezz tal-kewkba. Għalhekk il-kewkba, flimkien mal-Kelma ta’ Alla, għenithom biex jaslu għand Ġesù.
Int fil-ħajja tiegħek ukoll kellek aktar minn kewkba waħda – għajnuna, gwida – biex tista’ timxi ’l quddiem u tasal għand Ġesù f’dan il-jum sabiħ tal-professjoni perpetwa tiegħek. Ftakar bi gratitudni f’dak li tak u li jagħtik Alla bħala gwida, u itolbu li int tibqa’ dejjem qalbek miftuħa għal kull kewkba li Alla jagħtik f’ħajtek. Hi l-kewkba li tgħinek biex timxi u tasal sad-destinazzjoni, biex tevita kull qerq, u fl-istess waqt twasslek tassew għal għand Ġesù. Hi l-kewkba li meta tħares lejha tgħinek biex qatt ma tħares lura.
L-offerta
Illum nirringrazzjaw lil Alla ta’ din l-offerta li qed tagħmel tal-ħajja tiegħek. Meta l-Maġi waslu għand Ġesù u niżlu jadurawh, offrewlu d-deheb, l-inċens u l-mirra. Int qed toffrilu ħajtek permezz tat-tliet voti – tal-kastità, tal-faqar u tal-ubbidjenza. It-tlieta li huma qed toffrihom int. Int u tagħti ħajtek lil Alla permezz ta’ dawn il-voti, tintebaħ kif dak li jagħtik hu huwa ħafna akbar minn dak li tista’ tagħtih int. Fl-istess offerta tiegħek tintebaħ kemm Alla jimlielek ħajtek u r-rigal li jagħtik Alla hu tassew dak li jista’ jimla lil ħajtek.
Aħna hawnhekk nixtiequ llum flimkien nitolbu ħafna għalik. Hawn is-sorijiet tal-Kongregazzjoni tal-Agostinjani Servi ta’ Ġesù u Marija miġburin hawnhekk bi ħġarhom biex juruk is-sapport tagħhom, hawn il-familja tiegħek u l-qraba, din il-komunità tal-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem li int taf tajjeb u li wkoll tixtieq turik is-sapport, u tant ħbieb hawnhekk. Nixtieq nitolbu lill-Mulej biex int tibqa’ toffrilu kuljum il-ħajja tiegħek u ċ-ċelebrazzjoni tal-lum tkun tassew sinjal ta’ dak li tkun ħajtek kollha.
Nitolbu b’mod speċjali biex int tkompli tgħix b’fedelta s-sejħa li Alla għamillek bl-għajnuna ta’ tant nies li pprovdielek. Nitolbu biex dak li għadek kif tlabt – “Nitlob li nimxi wara Kristu l-Għarus tiegħi, u li nibqa’ sħiħa sal-mewt f’din il-familja ta’ ħajja Evanġelika” – int tkompli tgħixu b’fedeltà, u li bħall-Maġi qatt ma tħares lura.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju