L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Ġesù ta’ Nażaret, Sultan tal-Lhud” (Ġw 19:19).  Din kienet il-kitba li għamel Pilatu fuq is-salib, u għamilha bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg biex żgur jasal il-messaġġ. Meta kienu jħarsu lejn Kristu msallab, setgħu jaraw il-kitba: Ġesù ta’ Nażaret, Sultan tal-Lhud.

Ninnutaw li fir-rakkont tal-Passjoni skond San Ġwann, għakemm hemm it-tbatija kbira li minnha għadda Ġesù, imma l-enfasi ta’ San Ġwann hu fuq Ġesù li qed jirbaħ kontinwament. Sa mill-bidu nett, meta jkun l-Ort tal-Ġetsemani u jiġu biex jarrestawh, ikun Ġesù stess li jmur fuqhom u jgħidilhom: “Lil min qegħdin tfittxu?” (Ġw 18:4) U meta jgħidulu li qed ifittxu lilu, jgħidilhom “Jiena hu” (Ġw 18:5) – il-kliem li jfakkarna fir-rivelazzjoni ta’ Alla fil-ktieb tal- Eżodu meta jgħid “Jien hu dak li hu” (Eż 3:14). U għall-kliem “Jiena hu”, dawk li ġew biex jarrestawh “resqu lura u waqgħu mal-art” (Ġw 18:6)

Minn hemm ’il quddiem, Ġesù qatt ma jidher tellief imma dejjem rebbieħ. Meta jkun quddiem Pilatu – u din il-parti tar-rakkont hija parti twila mir-rakkont tal-Passjoni – lil Pilatu jgħidlu li hu sultan, u li s-saltna tiegħu “mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18:36). Hekk jibqa’ sal-aħħar.

Il-messaġġ li jrid jagħti San Ġwann hu li fil-Passjoni, li hi storja ta’ vjolenza, ta’ inġustizzji, ta’ tradiment, ta’ mibegħda, ta’ ħażen, ta’ kruha, hemm l-imħabba ta’ Alla li tirbaħ kollox.

It-traġedja ta’ mewt vjolenti hija megħluba mill-qawwa tal-imħabba li tifdi. Hi l-imħabba kif fissirha u wrieha Ġesù: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Hi l-imħabba li tiġbor l-istorja kollha tal-ħajja tiegħu, kif hu kien qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16).

L-imħabba ta’ Alla hija dejjem rebbieħa, anke qalb it-tbatija kollha tal-Passjoni. Hija din l-imħabba li twassal għar-rebħa finali meta Kristu jegħleb il-mewt, meta jqum mill-mewt għal ħajja ġdida. Illum, aħna u naduraw lil Ġesù, nitolbuh li aħna nemmnu dejjem f’din l-imħabba tiegħu. Nissieħbu aħna wkoll f’din l-imħabba biex bħalu tkun din l-imħabba li tmexxina f’ħajjitna: l-imħabba li tegħleb it-tbatija, l-imħabba li tfisser li s-sbuħija tegħleb il-kruha tal-ħajja.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju