L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel” (Lq 19:40). Dan kien il-kliem li qal Ġesù lil xi wħud mill-folla dakinhar li kien riekeb il-felu fid-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalemm. In-nies bdew ifaħħru lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli, u xi wħud mill-Fariżej qalu lil Ġesù: “Mgħallem sikkithom lid-dixxipli tiegħek”. Imma Ġesù weġibhom: “Ngħidilkom li jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”.

Knisja monumentali

Illum, infakkru l-150 anniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja mill-Isqof Gaetano Pace Forno, il-knisja li issa hi bażilka minuri. Hi knisja monumentali, ta’ daqs impressjonanti, li rrid ngħid li turi minn barra l-qalb kbira tal-Mostin.

F’din l-okkażjoni sabiħa l-Mostin ifaħħru lil Alla b’għajjat ta’ ferħ u b’leħen għoli. U mhux għax siktu huma, imma llum jgħajjat ukoll il-ġebel ta’ din il-knisja. Ifakkarna f’dak il-jum sabiħ, li ħadd minna hawnhekk ma jiftakar, meta dan il-bini ġie kkonsagrat lil Alla biex ikun d-dar tiegħu, dar għażiża li jistħoqqilha ġieħ.

Hu bir-raġun li għalina lkoll il-150 annniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja hi ġrajja li għandna niċċelebrawha bi kbir. Nixtieq naħsbu ftit: x’messaġġ tagħtina ċ-ċelebrazzjoni tal-lum?

Knisja li hi d-dar ta’ Alla

L-ewwel nett, il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja tfakkarna li dan hu l-post fejn niġu nqimu lil Alla. Hawn niġu biex niltaqgħu ma’ Alla fid-dar tiegħu, biex lil Alla nfaħħruh, nirringrazzjawh, nisimgħu l-kelma tiegħu li turina t-triq għal ħajjitna, u biex hu jqaddisna bis-sagramenti tiegħu. Hawn niġu biex naqsmu miegħu l-esperjenzi tagħna, inressqulu l-bżonnijiet u x-xewqat tagħna, biex hu jakkumpanjana fil-mumenti kollha ta’ ħajjitna, jimliena bil-barka tiegħu u jagħmlilna kuraġġ. Hawn niftakru kemm għandna bżonn lil Alla f’ħajjitna.

Għalhekk din hi dar għażiża għax hi d-dar ta’ Alla. Jalla nibqgħu dejjem ngħożżuha bħala d-dar tiegħu. Ġesù, fl-Evanġelju li smajna skont San Ġwann, b’azzjoni drastika ried iwassal messaġġ ċar meta qal: “Dar missieri tagħmluhiex suq”. Lilna jgħidilna: tħallux li s-sbuħija ta’ din il-bażilka, l-opri sbieħ artistiċi li wieħed għandu japprezza, jispiċċaw iħallu biss lil min jiġi f’din il-knisja togħma ta’ mużew li tammira, imma ma jressaqx lill-bniedem lejn Alla. L-ewwel skop ta’ din il-knisja hu li l-bniedem jiltaqa’ ma’ Alla.

Poplu kkonsagrat

Il-konsagrazzjoni ta’ dan it-tempju tfakkarna li lkoll ġejna kkonsagrati dakinhar tal-magħmudija. Kif jgħid San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin: aħna l-bini ta’ Alla, aħna t-tempju ta’ Alla. Għalhekk, għandna nirsistu l-ewwel nett biex ħajjitna tkun kif nixtiequ nsibu l-knisja. Meta niġu, nixtiequ li l-knisja nsibuha nadifa, imdawla, sabiħa – kif inhi. Hekk għandha tkun ħajjitna kemm personalment kif ukoll bħala komunità, bħala poplu.

Kif għedtu tant tajjeb fil-motto li għażiltu: “knisja kkonsagrata, poplu kkonsagrat”. Dan hu l-post fejn ma niġux biss waħedna imma ninġabru flimkien bħala l-familja ta’ Alla. Santu Wistin ifisser dan b’mod sabiħ. Jgħid: “Din hija d-dar tat-talb tagħna, imma d-dar ta’ Alla hija aħna… aħna qegħdin ninbnew issa hawn fl-art.” Hu jgħidilna li ma naslu qatt li nkunu d-dar tal-Mulej qabel ma nintrabtu sewwa bejnietna bl-imħabba. Jispjegaha b’mod sabiħ: “Kieku dan il-ġebel kollu li għandkom quddiemkom ma kienx marbut sewwa flimkien kif titlob is-sengħa, kieku ma kinux minsuġa tajjeb bejniethom u magħquda ħaġa waħda bħallikieku b’għaqda ta’ mħabba, kieku ħadd ma kien se jidħol hawn ġew.” Tidħol b’rasek mistrieħa jekk tara l-ġebel marbut sewwa.

Jgħid Santu Wistin: “Mela ejjew infittxu li jkollna spiritwalment f’ruħna dak li qegħdin naraw materjalment f’dawn il-ħitan ta’ madwarna”. B’hekk aħna nkunu tassew ġebel ħaj li qed jibni din il-komunità parrokkjali.

Konsagrazzjoni li ġġib il-ħajja ’il barra mill-bini

Dan it-tempju kkonsagrat ifakkarna wkoll fis-sejħa li għandna biex ngħixu l-konsagrazzjoni tagħna mhux biss meta niltaqgħu flimkien hawnhekk bħala komunità, imma ’l barra mill-bibien tal-knisja, fil-ħajja ta’ kuljum. Inkunu bħal dak l-ilma ħiereġ mit-tempju, li qrajna fuqu fil-ktieb tal-Profeta Eżekjel, ilma li jġib il-ħajja minn kull fejn jgħaddi. Hu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum li msejħin biex inkunu xhieda bla biża’, biex infaħħru lil Alla b’ħajjitna. Hawnhekk għandna lil Marija, li hi l-isbaħ eżempju ta’ dan għax hi għexet il-konsagrazzjoni tagħha f’kull mument, ukoll waqt l-akbar tbatija.

Hi din il-konsagrazzjoni li tgħinna biex noħorġu minna nfusna u naħsbu fl-oħrajn. Irrid ngħid kemm hi sabiħa l-inizjattiva li ħadtu bħala parroċċa biex fiċ-ċelebrazzjoni tal-150 anniversarju tal-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja, timpenjaw ruħkom li tagħtu l-għajnuna lil parroċċa fil-Guatemala, biex tkun tista’ hemmhekk tinbena l-knisja wara li l-knisja tagħhom kienet iġġarrfet bl-urugani u l-ħerba li ħallew warajhom. Dan hu tassew mod mill-isbaħ kif tiċċelebraw il-konsagrazzjoni ta’ din il-knisja.

Wirt prezzjuż lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna

Ħa nħarsu issa ’l quddiem. Aħna ħarisna lejn dawn il-150 sena, li tagħhom nirringrazzjaw lil Alla għal kull min ta sehmu f’din il-komunità parrokkjali; issa ejjew inħarsu ’l quddiem. Hu importanti li naħdmu biex ngħaddu lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna il-wirt prezzjuż tal-imħabba lejn Alla u ommu Marija. Ngħaddulhom esperjenza ħajja f’din il-knisja kkonsagrata, ħalli din il-knisja ma ssirx għalihom sempliċiment mużew tal-antikità imma tibqa’ dar għażiża li tilqagħhom fi ħdanha.

Jalla dan it-tempju kkonsagrat lill-Mulej jibqa’ jkun xhieda tal-kobor tal-imħabba lejn Alla u lejn ommna Marija, u jibqa’ jkun hekk kemm meta niġu hawn ġew u nidħlu fih, u wkoll meta narawh minn barra. Kemm hu sabiħ li tista’ tara din ir-Rotunda minn partijiet differenti ta’ Malta! U kif taraha, terfgħalna qlubna ’l fuq, u ma’ Marija ngħidu “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej!” Jien nawgura li fis-snin li ġejjin – ngħidu aħna mitt sena oħra – dat-tempju ikkonsagrat lill-Mulej ikun jista’ jibqa’ jitgawda minn partijiet differenti ta’ Malta. Ma jindifinx b’xi torrijiet madwaru għoljin ħafna li jgħattuh, imma jkompli juri dan il-bini l-prijorità ta’ Alla f’ħajjitna.

“Jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel”. Jalla qatt ma nisktu milli nfaħħru lil Alla u lil ommu Marija f’dil-knisja kkonsagrata u barra minnha. U jalla magħna jkompli jsemma’ b’qawwa dan l-innu sabiħ ta’ tifħir il-ġebel ta’ din il-bażilka.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju