L-omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
“Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom.” Dan il-kliem qalu Ġesù meta kien qed jagħmel l-itwal diskors li nsibu fl-Evanġelji. Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, fl-aħħar ċena, meta kien diġà qal ħafna lill-appostli u kien baqagħlu x’jgħid, hu jgħidilhom: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom.” Imbagħad jgħidilhom: Meta jiġi l-Ispirtu s-Santu, se jmexxikom hu fit-triq tal-verità. Dan hu l-Ispirtu tal-Verità li jmexxikom fit-triq it-tajba.
L-appostli kellhom jaraw kemm dan kien veru iktar ’il quddiem mal-inżul tal-Ispirtu s-Santu meta hu tahom il-qawwa biex joħorġu ħa jħabbru lil Ġesù ħaj, u biex jagħmlu dan qalb esperjenzi differenti f’postijiet differenti.
San Pawl jixhed kemm hu veru dan il-kliem. Hu ltaqa’ ma’ Ġesù ħaj li mlieh bl-entużjażmu ħalli jxandar l-Evanġelju f’tant postijiet. Kien proprju dan l-Ispirtu s-Santu li wiegħed Ġesù li lil San Pawl għamlu missjunarju – imur minn post għall-ieħor iħabbar li Ġesù hu ħaj. U fejn jagħlqulu l-bieb, jgħaddi għal post ieħor. Hu b’dan il-mod li xterdet il-Kelma ta’ Alla.
Hawnhekk, fl-Ewwel Qari, insibuh f’Ateni. Hemmhekk ukoll beda jara kif se jħabbar din l-Aħbar it-Tajba li Ġesù huwa ħaj. Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid li meta kien Ateni beda jinkedd fih innifsu jara tant idoli. Meta stednuh biex imur l-Arjopagu – il-post fejn kien jiltaqa’ l-Kunsill, b’nies importanti – biex ikellimhom hemmhekk, innota li kien hemm altar “lill-Alla Mhux Magħruf”. Fost ħafna idoli riedu jħallu spazju għal xi ħadd li ma kinux jafuh. U San Pawl jitlaq minn hemm – minn dan “l-Alla Mhux Magħruf” – biex jgħinhom u jwassalhom għand Ġesù, Alla li hu ħaj. Imma nnutaw kif, u hawn naraw il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Mhux biss tah il-qawwa u l-kuraġġ biex ikellem lil nies li ma kienx jafhom, imma tah ukoll l-għajnuna biex isib il-mod kif. San Pawl jitlaq mill-esperjenza tagħhom, juri li japprezza r-reliġjożità tagħhom, jitkellem bil-lingwaġġ tagħhom – tal-Griegi – u bil-mod il-mod iressaqhom lejn l-Aħbar it-Tajba li Ġesù hu ħaj.
L-Ispirtu tah il-qawwa, imma wkoll l-għajnuna biex isib il-mod kif – mhux b’kundanna, ma bediex jikkundanna l-idoli li kellhom – imma billi qabad ma’ xi ħaġa mill-esperjenza tagħhom u ressaqha lejn Ġesù.
San Pawl kellu suċċess f’dil-ħidma tiegħu? Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid li kien hemm min daħak meta semgħu jitkellem fuq il-qawmien mill-imwiet; kien hemm min qal “nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra” – speċi, nipposponu d-deċiżjoni dwar dan li qed tgħid – imma kien hemm min issieħeb miegħu u emmnu. Is-suċċess ta’ San Pawl ma kienx għax il-maġġorranza laqgħu l-Kelma, imma għax hu xandar b’fedeltà l-Aħbar it-Tajba u żera’ żerriegħa hemmhekk li kellha mbagħad tagħti l-frott.
Aħna wkoll irċevejna dan l-Ispirtu ta’ Alla, l-Ispirtu tal-Verità, u nitolbuh li lilna wkoll jagħtina l-grazzja biex fl-arjopagi – jiġifieri fil-postijiet ta’ żmienna u kuntesti differenti tal-ħajja – nistgħu nxandru l-Aħbar it-Tajba, li Ġesù hu ħaj. Nagħmlu dan kif uriena San Pawl – mhux b’kundanna, imma bi djalogu billi nressqu lin-nies lejn Ġesù li hu ħaj u li jagħti l-ħajja lil dawk li jimxu warajh.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju