L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Fid-diskors twil li għamel Ġesù fl-Aħħar Ċena, fl-Evanġelju skont San Ġwann, hu jmiss diversi punti. Isemmi diversi punti għad-dixxipli tiegħu, speċjalment biex jibqgħu jiftakruhom ’il quddiem, għall-ħajja futura tagħhom. Hawn jitkellem fuq il-miġja tal-Ispirtu s-Santu f’Pentekoste. Ġesù juża diversi titli biex ifisser min hu l-Ispirtu s-Santu. Hawn isejjaħlu “d-difensur”, f’post ieħor “il-konsolatur”. Nixtieq li nieqfu fuq titlu minnhom li jsemmi llum fl-Evanġelju: “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 15:26). Ġesù hekk isejjaħlu.

Għaliex għandna bżonn ħafna dan l-Ispirtu tal-verità? L-ewwel nett, biex lilna jurina li teżisti l-verità. Forsi jkun hawn min jgħid “mhux ovvja”! Jekk inħarsu lejn il-ħajja llum, nindunaw li għal diversi nies mhijiex ovvja. Fil-fatt, kultant ikun hemm diskussjoni fuq affarijiet essenzjali fil-ħajja, u jgħidu “int taħseb hekk, mela tajjeb!”, “int taħseb mod ieħor, tajjeb ukoll!” – dik hi l-verità tiegħi, u l-verità tiegħek, il-verita ta’ dak u tal-oħra. Qisu l-verità ddawwarha biex takkomodak. Flok tfittex dak li hu veru, tagħmel dak li jogħġbok u tgħidlu veru. Għalhekk għandna bżonn l-Ispirtu tal-verità.

Għaliex għandna bżonn ukoll l-Ispirtu tal-verità? Għandna bżonnu għax fil-ħajja tagħna nkunu mdawrin b’diversi affarijiet li huma foloz – bħal aħbarijiet foloz, mhux veru, fake. Dak li jgħid dak u l-ieħor kultant ma jkunx veru, u nistgħu ninqabdu fix-xibka, jiġifieri li aħna wkoll nirrepetu dak li mhux veru. Għalhekk għandna bżonn l-Ispirtu tal-verità biex jgħinna niddistingwu bejn dak li hu veru u dak li hu falz.

Għaliex għandna bżonn l-Ispirtu tal-verità? Għax il-verità mhix marbuta ma’ dak li ħafna nies qed jaħsbu, jew ħafna nies qed jagħmlu. Kultant ikun hemm min ikollu din l-idea – ħafna qed jagħmlu hekk, mela hi vera; ħafna qed jgħidu hekk, mela hi vera! Mhux bilfors. U Ġesù jurina mill-esperjenza tiegħu stess, speċjalment tal-Passjoni tiegħu, kemm dan mhux bilfors li hu veru. Niftakru meta kien quddiem Pilatu, u qallu lil Pilatu: “Jien għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Imbagħad dan staqsieh: “U l-verità x’inhi?”, imma ħareġ, ma stenniex ir-risposta ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu jqiegħed quddiem il-folla lil Ġesù u lil Barabba. Għandek lil Ġesù – it-Triq, il-Verità u l-Ħajja; u lil Barabba, li kien kriminal magħruf. U lil min għażlu n-nies? Lil Barabba. Li turina li l-verità mhix dejjem marbuta ma’ dak li jaħsbu l-parti l-kbira tan-nies, jew ma’ dak li jgħidu l-parti l-kbira tan-nies. Għalhekk għandna bżonn ħafna l-Ispirtu tal-verità.

Hawnhekk Ġesu lid-dixxipli jħabbrilhom il-persekuzzjoni li minnha kienu se jgħaddu. Għax Ġesù dejjem tkellem ċar, qatt ma ħeba d-diffikultajiet. Din kienet importanti għax fost l-ewwel Insara, meta sabu ruħhom ippersegwitati, kien hemm min qal: dan vallapena naqlagħha fuq wiċċi minħabba Ġesù Kristu? Kien hemm min ħaseb hekk. Għalhekk kien importanti l-kliem li qalilhom Ġesù, u speċjalment – ara kemm hu veru, dal-kliem, ftakru li dan qalu elfejn sena ilu – “…tasal is-siegħa meta min joqtolkom jaħseb li jkun qed jagħti qima lil Alla” (Ġw 16:2). Ara jekk hix l-esperjenza kultant f’pajjiż jew ieħor, eżatt kif jgħid hu, li min ikun vittma, ikun vittma ta’ dawk li jaħsbu li qed jagħtu qima lil Alla! Dan qalu Ġesù tant snin ilu biex juri tassew il-verità x’inhi, u jagħmel il-qalb u l-kuraġġ lid-dixxipli.

Nitolbu lill-Mulej biex lilna jagħtina l-Ispirtu tal-verità, ħa nagħrfu l-verità fuqu – fuq il-Mulej, fuqna nfusna, fuq is-sens tal-ħajja, fuq id-dinja ta’ madwarna; u jgħinna biex bil-qawwa ta’ dan l-Ispirtu tal-verità neħilsu mill-qerq, mill-inganni, ħa nkunu nistgħu nimxu tassew fit-triq tas-sewwa.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju