• Nhar is-Sibt 28 ta’ Mejju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kkonsagra l-artal il-ġdid tal-Oratorju tas-Socjetà Missjunarja ta’ San Pawl (l-M.S.S.P.), Birkirkara.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, Birkirkara
    28 ta’ Mejju 2016
    “Jiena rċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom” (1Kor 11, 23). Dan il-kliem ta’ San Pawl ifisser il-pedament tal-fidi tagħna, f’dak li qegħdin niċċelebraw. It-tagħlim li aħna rċevejnih minn għand il-ġenituri tagħna, mingħand il-komunità Nisranija li fiha trabbejna u intom tgħadduhom lil uliedkom u lil ulied uliedkom.
    X’qegħdin niċċelebraw?  Il-fatt li: “l-Mulej Ġesù li, fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u wara li radd il-ħajr qassmu u qal: ‘dan hu Ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi’” (v. 24).  Qed niċċelebraw il-fatt li għamel l-istess bil-kalċi. Wara li kiel hu qal: “dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’Demmi; Agħmlu dan kull meta tixorbu b’tifkira tiegħi” (v. 25). Aħna qegħdin nobdu dan il-kmand tal-Mulej “agħmlu dan b’tifira tiegħi”.
    It-tifkira tal-Mulej, din l-anamnesi, mhix xi ħaġa biss li aħna nfakkru xi ħaġa bħalma meta nagħmlu xi anniversarju ta’ xi ħadd, imma għalina hija ħajja u programm. Meta l-Mulej jgħidilna: “agħmlu dan b’tifkira tiegħi”, mhuwiex biss qiegħed jirreferi għall-fatt li aħna, permezz tas-saċerdozju ministerjali, li huwa don lill-komumità, inbiddlu l-ħobż fil-Ġisem tiegħu u l-inbid fid-Demm tiegħu, imma wkoll il-ġest li bih ħa, bierek, u qassam. Il-ħajja tagħna trid tkun ukoll tifkira ħajja ta’ dawn il-ġesti ta’ Ġesù li ħa, bierek, u qassam.
    Bħalma fl-Evanġelju li għadna kemm smajna (Lq 9, 11b-17) il-Mulej jagħti ordni lid-dixxipli tiegħu “agħtuhom intom x’jieklu”, illum qiegħed iħares lejna, komunità Nisranija, u jfakkarna f’din il-ko-responsabbiltà. Hu jixtieq imantni lil dawn il-ħamest elef raġel u n-nisa u t-tfal li kien hemm magħhom, imma jrid il-kooperazzjoni tad-dixxipli tiegħu. Il-kooperazzjoni tad-dixxipli tiegħu fil-qadi, filli jitimgħu lil min għandu l-ġuħ u jisqu lil min hu bil-għatx, imma wkoll fil-parteċipazzjoni f’dan il-miraklu li jantiċipa l-qawwa tiegħu fuq l-elementi tan-natura.
    Hawnhekk x’aktarx fuq ix-xtajta tal-Baħar tal-Galilija, il-Mulej juri l-qawwa tiegħu fuq il-materja billi jkattarha. Fl-Ewkaristija, il-Mulej juri l-qawwa tiegħu fuq l-ispazju, fuq l-istorja u jittrasforma l-ħobż fil-Ġisem tiegħu u l-inbid fid-Demm tiegħu. U aħna f’dan il-mument Ewkaristiku ta’ tifħir lil Alla, nixħtu għajnejna fuq l-artal, l-artal li għalina huwa mejda imma wkoll blata tas-sagrifiċċju. Hija mejda minn fejn il-Mulej iqassam lilu nnifsu, jagħti lilu nnifsu. “Kif jista’ jkun li dan jagħti ġismu biex jittiekel?” (Ġw 6, 52), qalu meta semgħuh jitkellem f’Kafarnahum. Il-Mulej spjega li dan huwa diskors li jifhmu l-Ispirtu, il-ġisem dgħajjef. Hu qal ukoll: “Jekk intom m’intomx lesti tifhmu dan, lid-dixxipli qalilhom: ‘Tridux tmorru intom ukoll?’. U Pietru jgħidlu: ‘għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem’” (Ġw 6, 67-68).  
    Aħna u nħarsu lejn  l-artal, nifhmu li huwa wkoll sinjal ta’ Ġesù nnifsu li huwa l-Artal, il-vittma u l-qassis. Huwa l-artal għaliex ma jagħtiniex minn xi ħaġa barra minnu, imma jagħtina lilu nnifsu u dak li jikkonsma, huwa fih innifsu. Huwa l-vittma għaliex fuq l-artal tal-qalb tiegħu, joffri lilu nnifsu. Is-saċerdot li joffri s-sagrifiċċju. Artal, Vittma u Qassis. Kif għidna fl-introduzzjoni tat-talb li toffri l-Knisja għal din l-okkażjoni speċjali, aħna wkoll imsejħin biex inkunu artal bħal Ġesù: “Offru lilkom infuskom bħala vittma spiritwali, vittma li tfuħ lil Alla”.
    Aħna u nikkonsagaw l-artal llum, kif qal Fr Martin, nikkonsagraw ukoll lilna nfusna, inġeddu l-wegħdiet tal-Magħmudija, niftakru fil-balzmu li rċivejna fil-Griżma, għal min irċeviha, u min għadu ma rċevihiex jixxennaq għaliha. Min hu msejjaħ għas-saċerdozju jixxennaq għad-dilka tal-idejn qaddisa tiegħu u min hu saċerdot, jiftakar fiha bħalma jien niftakar fil-konsagrazzjoni mhux biss presbiterali imma anke episkopali, meta fuq ras l-Isqof jissawwab l-istess żejt qaddis bħala milja tas-saċerdozju.
    Aħna u nikkonsagraw dan l-artal magħmul mill-materja li tagħtina n-natura u mill-inġenju ta’ bniedem, qegħdin ukoll inġeddu l-konsagrazzjoni tad-dinja lill-Mulej. Qegħdin nikkonsagraw il-laqgħat tagħna għax kif turi, b’mod sabiħ il-layout, bl-arkitettura rinovata ta’ din il-knisja, aħna ninġabru madwar l-artal. Hemmhekk kif minn hawnhekk hawn il-mejda tal-kelma, aħna nħarsu lejn il-mejda tal-Ewkaristija, tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Minn hemmhekk aħna nieħdu l-ikel li jmantnina fil-pellegrinaġġ tagħna, għax għandna bżonnu minħabba d-dgħufija tagħna. Għaliex minnu aħna nirċievu l-wegħda tal-ħajja ta’ dejjem “min jiekol ġismi u jixrob demmi, ikollu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum” (ara Ġw 6, 59).
    Ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dan il-jum u tal-benefatturi li għamlu dan il-jum possibbli bis-sagrifiċċji tagħhom, bis-sengħa tagħhom, bil-ħolm u l-immaġinazzjoni tagħhom. U jiena nbierek lilkom, inberikkhom bit-traxxix tal-ilma, hekk ukoll inberikkhom bħala Isqof tagħkom. Jiena għandi talba speċjali għal din il-komunità. Qed nara żewġ vokazzjonijiet li jibnu l-komunità, kif jgħid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, hemm żewġ vokazzjonijiet sagramentali li huma msejħin biex jibnu l-komunità: is-sagrament taż-żwieġ u s-sagrament tal-Ordni Sagri. It-talba tiegħi hija li minn din il-komunità, iż-żgħażagħ jagħżlu l-vokazzjoni Nisranija tagħhom biex jibnu l-komunità, jew biż-Żwieġ jew bl-Ordni Sagri, biex min diġa għażel din il-vokazzjoni, jissaħħah fiha u aħna li diġa għażilna t-triq, hemm bżonn niġġeddu fiha kuljum.
    Minn dan l-artal, niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj li huwa l-Iben tal-Misser, għani fil-ħniena. Tinsew qatt li dan l-artal ġie kkonsagrat mill-Isqof fis-sena tal-Ġublew tal-Ħniena. Minn dan l-artal, jalla fuq kull wieħed u waħda minna, ifawwru l-għejjun tal-ħniena tal-Mulej.
      Charles J. Scicluna                                                          
         Arċisqof ta’ Malta
  • Photos: Matthew Urpani